Fil-qafas ta’ Twin It!, istituzzjonijiet kulturali nazzjonali madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ġew imħeġġa jikkollaboraw biex jissottomettu wirt storiku wieħed diġitizzat lill-Ispazju Komuni Ewropew għat-Tagħrif dwar il-Wirt Kulturali, iffaċilitat millinizjattiva Europeana.
L-għan ewlieni ta’ din il-kampanja hu li tiġbor u tesebixxi eżempji ta’ ta’ kwalità għolja ta’ assi kulturali Ewropej b’mod tridimensjonali, u fl-istess waqt tassisti Stati Membri fil-proġetti tagħhom marbuta mad-diġitizzazzjoni 3D u lpreservazzjoni.
Il-wirt storiku diġitizzat kellu jissodisfa numru ta’ kriterji u standards tekniċi għolja, biex b’dan il-mod iservi ta’ turija ta’ eċċellenza Ewropea fil-qasam.
Bi pjaċir kbir Heritage Malta tħabbar li Malta, l-iżgħar nazzjon fl-UE, kienet sewwasew l-ewwel pajjiż li ssottometta l-proġett tiegħu: iċ-Ċittadella ta’ Għawdex https://www.europeana.eu/en/item/1053/_Cittadella_Gozo
Iċ-Ċittadella, fil-qalba ta’ Għawdex, il-gżira-oħt ta’ Malta, tinsab fil-quċċata ta’ għolja naturali. Il-qagħda strateġika tagħha, magħżula mill-abitanti bikrin, offriet fortifikazzjoni naturali, b’veduti tar-raba’, ix-xtut u l-baħar. Evidenza arkeoloġika turi li lewwel nies għexu hemm lejn it-tmiem ta’ Żmien il-Bronż, b’evoluzzjoni għal ċentru amministrattiv matul iż-żminijiet Feniċi/Puniċi u Rumani. Taħt il-ħakma tal-Biżantini, l-Għarab u n-Normanni, iċ-Ċittadella kompliet tevolvi. Għalkemm kien hemm sekli ta’ abbandun, strutturi li salvaw jixhdu diversità arkitettonika, inkluż il-Katidral Barokk mibni fi żmien l-Ordni ta’ Malta. Dan is-sit, li ġie restawrat b’mod estensiv f’dawn l-aħħar snin, ħaddan għażla wiesgħa ta’ arkitettura importanti u wirt storiku tanġibbli fi ħdan is-swar tiegħu. Fil-medda ċkejkna tagħha, iċ-Ċittadella tinkludi erba’ mużewijiet ta’ Heritage Malta.
It-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni, flimkien mad-dipartimenti kollha l-oħrajn ta’ Heritage Malta, għandha rwol kruċjali filpreservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali għani tal-pajjiż bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati. Din it-taqsima, li kisbet iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża ISO 9001, hija responsabbli biex tiddiġitizza l-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta, li tinkludi kemm assi kulturali tanġibbli u anke intanġibbli. Inizjattiva ta’ min jinnota hija l-involviment dirett tat-Taqsima bħala rappreżentanta nazzjonali fil-Grupp tal-Esperti tal-Kummissjoni fl-Ispazju Komuni Ewropew għat-Tagħrif dwar il-Wirt Kulturali (CEDCHE). Dan il-grupp jirrevedi u jiddiskuti miżuri marbuta mal-wirt kulturali diġitali, u b’hekk jara li Malta hija f’sintonija mal-istrateġiji usa’ Ewropej.
It-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni qed tindirizza l-isfidi kontemporanji tad-diġitizzazzjoni, b’parteċipazzjoni f’għadd ta’ proġetti Horizon tal-UE ffukati fuq it-tibdil fil-klima u l-wirt kulturali, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ beni kulturali, u l-użu ta’ għodod diġitali għall-ingaġġ tal-udjenza.
Ir-rwol ta’ Heritage Malta jestendi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, hekk kif l-entità ġiet fdata biex tmexxi l-ġbir ta’ tagħrif fuq livell nazzjonali għall-wirt kulturali diġitali għal Europeana. Il-proċess ta’ akkreditar li jinsab għaddej bħalissa ma’ Europeana, lakbar aggregatur tal-wirt kulturali fl-Ewropa, dalwaqt se jippermetti lil Heritage Malta biex tgħaqqad u taqsam direttament il-kollezzjoni nazzjonali ma’ udjenza usa’. Dan l-isforz jimxi id f’id mal-impenn tal-aġenzija għall-aċċessibbiltà u, wara t-tnedija talwirja “An Island at the Crossroads” fil-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-jiem li ġejjin, parti sostanzjali mill-kollezzjoni marittima nazzjonali se tkun aċċessibbli għall-pubbliku virtwalment.
L-approċċ multidimensjonali ta’ Heritage Malta juri d-dedikazzjoni tagħha biex tisfrutta t-teknoloġija, tikkollabora fuq livell internazzjonali, u tieħu sehem fi pjattaformi diġitali biex tħares u tesponi l-wirt kulturali ta’ Malta.