“Ninsabu grati ħafna lejn Malta talli laqgħet din l-isfida fi żmien kritiku.”
Hekk sostna l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni tal-Ewropa, Michael R. Carpenter f’laqgħa mal-ġurnalisti.
Spjega kif din hija responsabbiltà kbira li ħadet f’idejha Malta li turi l-fiduċja fl-organizzazzjoni.
Sostna kif meta jħares lejn Malta, jara membru stat tal-Unjoni Ewropea li jħaddan l-istess valuri u kif ukoll impenji bħal dawk tal-organizzazzjoni filwaqt li tagħraf dak li hu importanti.
Hu semma numru ta’ prijortiajiet ippreżentati mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Spjega kif se tkun sena mimlija sfidi speċjalment fid-dawl tal-kwistjoni tas-sigurtà iżda li hu importanti li wieħed jifhem li minkejja li l-midja tenfasizza fuq il-ħidma li ssir b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u l-fatt li r-Russja hija waħda mill-membri fl-OSCE, iżda fir-realtà ssir ħafna ħidma oħra mingħajr is-sehem tar-Russja.
Qal kif kawża tal-mod kif inħolqot din l-organizzazzjoni u l-proċeduri li għandha, huwa diffiċli li wieħed ikeċċi membru fi ħdan l-OSCE u għalhekk l-organizzazzjoni tagħmel ħilitha biex iġġiegħel lir-Russja flimkien mal-Belarus biex iħossuhom iżolati u b’hekk ikunu jistgħu jżommuhom responsabbli.
Mistoqsi dwar jekk ir-Russja imbuttatx biex Malta tieħu f’idejha din it-tmexxija, Carpenter spjega kif filwaqt li r-Russja vvotat flimkien mas-sitta u ħamsin pajjiż membru fl-OSCE, ma kien hemm ebda sforz żejjed biex tgħażel lil Malta.