L-Avukat u l-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard ġie mistoqsi minn Lovin’ Malta dwar x’jaħseb fuq Roberta Mestola.
Attard stqarr li ma jemminx li Roberta Mestola ħaqqha terminu ieħor bħala President tal-Parlament Ewropew, għax kien hemm ħafna drabi fejn użat il-pożizzjoni tagħha biex tavvanza l-interessi personali minflok dawk ta’ Malta.
Qal li, minflok tiddefendi lil pajjiżna, għażlet li tiddefendi pajjiżi oħrajn għax għandhom gvernijiet li ġejjin mill-istess familja politika tal-Partit Nazzjonalista. Kif għamlet fil-każ tal-Greċja u preċedentement anke l-Bulgarija, fejn ġiet ittimbrata bħala ‘Miss Mafia’ wara li ħarġet għonqha favur it-tmexxija f’dak il-pajjiż akkużat b’affarijiet anti-demokratiċi.
Attard irrefera ukoll għall-aġir irresponsabbli ta’ Metsola fuq il-gwerra li għaddejja f’Gaza, tant li saritilha l-akkuża serja li ffaċilitat il-ġenoċidju li għaddej kontra innoċenti Palestinjani.
Dr Attard fakkar ukoll kif li, kieku ma kienx għall-ġurnalisti li kixfu l-pjan tagħha li tappunta lir-raġel t’oħtha fl-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew, Metsola kienet se tibqa’ għaddejja. Imbagħad bl-akbar ipokrezija takkuża lill-Gvern Malti b’nepotiżmu.
Il-kandidat Laburista rrefera wkoll għall-akbar skandlu fil-Parlament Ewropew taħt it-tmexxija tagħha, magħruf bħala ‘Qatargate’, fejn Transparency International ukoll qalet ċar u tond li Metsola mhux biss m’għamlet xejn, minkejja l-ħafna paroli, iżda wkoll għandha subgħa mdeffes fih.
B’reazzjoni għal din l-intervista kienu bosta dawk li kkummentaw b’attakki ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Daniel Attard, fosthom is-soltu Andrew Borg Cardona, magħruf bħala ‘l-Boċċa’. Fost it-tgħajjir kien hemm dawk bħal “Ġaħan in the Making”, “Pulċinell”, “Buffu” u “Injorant”.
B’reazzjoni għal dan, Attard kiteb fuq il-midja soċjali li se jwieġeb b’aktar ħidma, kuraġġ, konvinzjoni u fuq kollox bi mħabba għal Malta.