L-2023 irreġistrat żieda ta’ 65% fuq is-sena ta’ qabel f’dawk li huma wasliet ta’ turisti minn cruises fil-Port il-Kbir. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb.
Fil-fatt, hawn ġie spjegat kif, b’kollox, fl-2023 mill-Port il-Kbir daħlu aktar minn 900,000 passiġġier mill-cruises li jsorġu.
Stqarr, “Nażżarda ngħid li se nkunu daqsxejn aħjar, jiġifieri u li tfisser li, forsi, ikollna sena rekord is-sena d-dieħla. Is-sena rekord tagħna s’issa kienet l-2019 fejn ilħaqna 905,000 moviment ta’ passiġġieri u naħseb li din is-sena għandna neċċeduhom.”
Xuereb sostna wkoll li 23% tal-passiġġieri ġew minn cruises li jibdew u jispiċċaw minn pajjiżna stess. Fil-fatt, tenna li x-xogħol jinsab għaddej biex jiġu attirati aktar cruises li l-vjaġġ tagħhom jibda u jintemm f’Malta.
Iċ-ċifri juru wkoll kif passiġġieri tal-cruises b’kollox ħallew mal-€85 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna. €32 miljun minnhom ġew minn nefqa diretta tat-turisti fil-ġurnata li jkunu qattgħu f’Malta.
Dwar dan tkellem aktar il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Qal, “Dawn il-passiġġieri li jżuru lil pajjiżna jħallu nefqa li taqbeż it-€30 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna u dan meta jżuru lil pajjiżna f’ġurnata waħda biss. Aħna rridu naraw ukoll li din il-ġurnata tagħhom imbagħad isservi bħala reklam tajjeb biex huma jagħżlu lil pajjiżna għall-btajjel tagħhom iżjed ’il quddiem.”
Sadanittant, il-Ministru Bartolo spjega li, sa erba’ snin oħra, pajjiżna qed jara li jkollu mal-50 operatur differenti tal-cruises li jaħdmu fostna. Ħdax minnhom mistennija jibdew joperaw minn hawn mis-sena d-dieħla.