L-MPE Laburista Alex Agius Saliba kien negozjatur ewlieni f’rapport approvat b’maġġoranza assoluta mill-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni tal-awtonomija fir-riċerka xjentifika, liema valur hekk importanti ftit li xejn huwa msemmi f’konvenzjonijiet oħra b’rabtiet legali.
F’kumment li ta l-MPE Agius Saliba, qal li l-liberta ta’ espressjoni fir-riċerka, l-awtonomija akkademika u l-awtonomija tal-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka huma valuri fundamentali li jiddistingwu l-Unjoni Ewropea. Minbarra li r-riċerkaturi huma ħaddiema mportanti u d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom jixraqilhom l-ogħla protezzjoni, din ir-riċerka tikkontribwixxi b’mod dirett għal ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalita għolja.
Ir-rapport filfatt juri t-tħassib ukoll dwar żviluppi li anke Agius Saliba segwa f’dawn l-aħħar snin fejn l-awtonomija tal-universitajiet u r-riċerkaturi bdiet tiġi maħnuqa, b’din l-inizjattiva li neda se twassal għal protezzjonijiet aħjar għal dawk kollha nvoluti fid-dinja tar-riċerka.
Ir-rapport jitlob ukoll sabiex tingħata definizzjoni għal xi tfisser l-awtonomija akkademika u għal ħolqien ta’ framework ta’ kondizzjonijiet minimi għal academic self-governance, kundizzjonijiet tax-xogħol u kumpens finanzjarju sabiex il-liberta akkademika tkun tista tiġi eżerċitata bl-aħjar mod possibli.
Agius Saliba kompla jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni Ewropea qed tintalab toħloq framework legali bl-għan li tiġi protetta l-awtonomija fir-riċerka kif definita fid-Dikjarazzjoni ta’ Bonn. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tipproteġi u tippromwovi l-awtonomija fir-riċerka u b’hekk tiżgura d-drittijiet fundamentali tar-riċerkaturi.
L-MPE Laburista u negozjatur ewlieni f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi kompla billi stqarr li r-riċerkaturi għandu jkollhom xogħol ta’ kwalita, b’pagi ġusti, kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u impjiet stabbli. Għandu jkollhom ambjent tax-xogħol atrezzat u, speċjalment minħabba x-xogħol delikat tagħhom, għandu jkollhom bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom. Barra minn hekk, l-entitajiet li jwettqu riċerka għandhom ikunu f’qadgħa li jwettqu kollaborazzjonijiet fuq livell internazzjonali sabiex b’hekk jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali u tiġi żviluppata d-diplomazija fix-xjenza; aspett ieħor importanti tal-awtonomija fir-riċerka.
Agius Saliba saħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu promossi x-xjenza u l-karrieri fir-riċerka, u li jinħolqu opportunitajiet għal xjentisti żgħażagħ. “Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkoraġġixxu lill-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka sabiex ikattru u jissimplifikaw l-opportunitajiet ta’ karriera fir-riċerka u sabiex tiġi mħaddna iżjed trasparenza fil-proċess ta’ reklutaġġ, inkluż f’opportunitajiet għal kandidati tal-PhD” kkonkluda l-MPE Laburista.