Il-Ministru għall-Finanzi Ingliż Jeremy Hunt qed jiffaċċja pressjoni biex juża l-baġit nazzjonali li jmiss biex isewwi inġustizzji soċjali li jeżistu b’restrizzjonijiet fejn jidħlu ċ-Children’s Allowance u l-first-time buyers fil-pajjjiż.
L-analista finanzjarju popolari u fundatur ta’ MoneySavingExpert.com, Martin Lewis, kiteb lil Hunt biex jikkunsidra jirranġa anomaliji li qed jikkastigaw lil diversi familji, inkluż dawk li għandhom dħul finanzjarju wieħed.
Wara li aktar kmieni dan ix-xahar kien mistieden fil-programm televiżiv tal-ITV ippreżentat mill-istess Lewis, li semmielu numru ta’ inġustizzji, il-Ministru għall-Finanzi talbu jiktiblu.
Hekk għamel Lewis u, fil-korrispondenza tiegħu, irreferih għat-threshold ta’ £50,000 (€58,400) minn fejn ġenituri jibdew jitilfu l-benefiċċju tat-tfal u jkunu obbligati jħallsu lura dak li rċevew f’dik is-sena. It-threshold ilu ffriżat għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, waqt li l-pagi komplew jiżdiedu.
Fl-2013, miljun familja jew 13% tal-popolazzjoni Britannika ġiet affettwata minn dan it-threshold, iżda sal-2025 il-persentaġġ mistenni jitla’ għal 31% tal-familji li jitilfu l-benefiċċju, għax wieħed mill-ġenituri jaqla’ aktar minn ħamsin elf sterlina fis-sena.
Koppji fl-Ingilterra jibqgħu jgawdu mill-benefiċċju kemm-il darba ma jaqbżux it-threshold ta’ £100,000 flimkien, iżda mhux għal ġenitur waħdu li jaqbeż nofs dik iċ-ċifra.
“Bla dubju din kienet l-aktar kwistjoni singulari li l-pubbliku talabni biex inqajjem miegħek,” kiteb Lewis lill-Ministru għall-Finanzi, waqt li kkwota raġel lil tilef lil martu 34 ġurnata wara li welldet it-tewmin tagħhom u, għax jaqla’ iżjed minn £60,000, intalab irodd lura l-benefiċċju tat-tfal.
Lewis ukoll ħeġġeġ lil Hunt biex iħassar ukoll multa relatata ma’ skema għall-first-time buyers imsejħa Lifetime Isa, jew Lisa fil-qasir.
Hu qal li persuna tista’ tikkwalifika għall-iskema jekk il-proprjetà ma taqbiżx il-prezz ta’ erba’ mija u ħamsin elf Sterlina (£450,000) jew ħames mija u ħamsa u għoxrin maqlubin fl-ewro (€525,000). Iżda l-istess dak il-limitu issa ilu ffriżat għal dawn l-aħħar seba’ snin u l-prezzijiet tal-proprjetà fir-Renju Unit żdiedu bi 30% minn dak iż-żmien.