Ungeriża ta’ wieħed u erbgħin sena nstabet ħatja li pprovat tikkorrompi uffiċjali tal-Pulizija wara li dawn sabulha d-droga.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużata, Anges Suranyly, inqabdet bid-droga fir-residenza fejn kienet qed tgħix f’Birżebbuġa. Dan wara li l-pulizija waslitilha informazzjoni li s-sieħeb tal-akkużata kienet qed tasallu d-droga bil-posta.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li, f’ħin minnhom, il-mara ħarbet tiġri fil-kamra tas-sodda u pprovat tqatta’ pakkett u tarmih f’barmil ilma. Irriżulta li fil-pakkett kien hemm sustanza fil-forma ta’ żewġ ġebliet.
Kien hawn li l-mara offriet €200 lill-Pulizija biex ma jkomplux bit-tfittxija.
Il-mara nstabet ħatja mill-Qorti u ġiet immultata €4,500.