Floriana Young Stars u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks fl-ewwel post
Floriana Young Stars u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat nazzjonali tal-Hockey sabiex it-tnejn li huma qed jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika.
Floriana Young Stars irnexxielhom jegħlbu liċ-champions Qormi Daikin bl-iskor ta’ 3-2.
Kienet logħba ferm sabiħa u emozzjonanti b’Qormi li kellhom ħafna mill-pussess iżda bi Floriana li kellhom kontrattakki ferm perikolużi li minnhom saħansitra waslu tliet gowls.
Il-Greens għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu fejn stabilixxew vantaġġ ta’ 2-0 sa tmiem l-ewwel quarter l-ewwel permezz ta’ Mark Camilleri u aktar tard minn Karl Chircop.
Fit-tielet quarter, Qormi naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ penalty corner ta’ Juan Sarcia iżda fil-bidu tar-raba’ quarter, il-Greens għamluhom tlieta wara penalty stroke ta’ Karl Chircop.
Qormi baqgħu jattakkaw fit-tentattiv li jerġgħu jidħlu fil-logħba b’Luke Bajada li għamilhom 3-2.
Minkejja kollox, Floriana baqgħu konċentrati u ħarġu biż-żewġ punti tant importanti.
Umpires kienu Alessandro Amore u Luke Busuttil Leaver.
GREE Żurrieq Wolves Hotsticks batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil White Hart 3-1. Kien biss fl-aħħar quarter li ż-Żrieraq aċċertaw ruħhom miż-żewġ punti finali hekk kif l-avversarji tagħhom iddefendew bis-sħiħ filwaqt li ppruvaw itellgħu xi kontrattakki.
Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel quarter, fit-tieni quarter Luke Brincat poġġa lil Hotsticks fil-vantaġġ sabiex Luca Runza għamilhom 2-0. Ali Shah naqqas il-marġni tal-iskor fit-tielet quarter qabel ma’ Silas Plaehn aċċerta r-rebħa finali lejn l-aħħar.
Umpires kienu Karl Chircop u Keith Calleja.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Floriana Young Stars, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 4, Qormi Daikin, White Hart 0
Sadanittant mill-kampjonat ta’ taħt l14-il sena, De La Salle għelbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 4-0 filwaqt li Marsakala għelbu lil Qormi Daikin 4-3.