F’kummenti lit-Times, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Xerri, stqarr li jaqbel li, fir-riforma li qed tiġi proposta, għandu jkun hemm bdil fil-mod kif jiġu ttrattati każi ta’ persuni li jaqgħu vittmi tal-vizzju tad-droga.
Bl-esperjenza ta’ diversi każi, li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’dan ir-rigward, Xerri jtenni li hu pożittiv li hemm il-possibbiltà ta’ għajnuna mill-Qrati biex vittma tingħata l-opportunità tirrijabilita lilha nnifisha.
F’kuntatt ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, Xerri enfasizza li jrid jiġi ppreċiżat li l-OASI taqbel ma’ ċerti punti fir-riforma mressqa mill-Ministeru għall-Ġustizzja u mhux setgħet ingħatat l-impressjoni, waqt li l-Fondazzjoni għad trid tagħmel il-pożizzjoni tagħha sħiħa dwar dan.
Min-naħa tiegħu, f’kummenti li ta, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard stqarr li, bil-kontra ta’ dak li qed jingħad, din ir-riforma mhux se tirrevedi l-ammonti tad-droga li wieħed jista’ jkollu għall-użu personali.
Waqt li fakkar li Malta għandha l-aktar pieni għoljin għat-traffikar tad-droga fl-Ewropa, il-Ministru stqarr li hemm lok fejn anke din togħla, peró jrid jiġi żgurat li tingħata opportunità lil dawk il-vittmi ġenwini biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew ħajja ġdida.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OASI qal li hemm diversi każi fejn persuni jibdew minn dipendenza fuq id-drogi u biex isostnu lilhom nfushom u l-vizzju tagħhom, jirrikorru għat-traffikar. Semma li, ladarba dawn jinqabdu u jiġu konxji tal-problema tagħhom, il-bżonn li jittraffikaw jispiċċa.
Qal li, fejn hemm dawn il-każi, il-Qorti tad-droga hi effettiva biex tinstiga t-tibdil bżonnjuż, anke meta tara li dawn ikunu fuq bażi individwali, waqt li hemm diversi metodi biex tinduna jekk persuna hix dipendenti jew le.
Minbarra hekk, Xerri saħaq li t-traffikanti ma jgawdux minn trattament tradizzjonali hekk kif il-motivazzjonijiet u l-bżonnijiet tagħhom huma differenti minn dawk li huma tal-vittmi.
Bir-riforma proposta mill-Gvern, meta jkun hemm każ ta’ traffikar, dan se jkun qed jingħata pieni ħorox bħala deterrent għal dawk li jfittxu d-droga għall-gwadann finanzjarju personali.
Fil-każ ta’ min jinqabad jittraffika biex isostni l-vizzju tiegħu stess, ir-riforma tagħti aktar saħħa lill-bord tar-riforma biex jappunta aktar esperti jsegwu l-każ individwali, waqt li l-Qorti ma timponix sentenzi ta’ ħabs.
Dan hu wkoll motivat minn każi riċenti u l-bżonn li l-Qorti tagħraf lil dawk li tassew ikunu vittmi ta’ ċirku vizzjuż, b’differenza għat-traffikanti li jkunu jridu biss iħaxxnu bwiethom minn fuq l-istess vittmi.