Kull min m’għandux Tal-Linja Card, jista’ japplika t-Tnejn għal dan id-dokument b’xejn sal-aħħar ta’ Frar u jibda jgawdi minn trasport pubbliku b’xejn.
Dan wara taħdidiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, li riżultat tagħhom ġie deċiż biex tingħata eżenzjoni tal-miżata amministrattiva lil kull min japplika għal Tal-Linja Card sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.
Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li dan il-pass jingħaqad ma’ sensiela ta’ deċiżjonijiet strateġiċi li huma kollha mmirati biex ikun inċentivat dejjem aktar, l-użu tat-traport pubbliku u alternattiv.
F’Ottubru ta’ sentejn ilu, il-Gvern beda jagħti s-servizz tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja b’xejn lil kulħadd. Dakinhar, Malta kienet saret it-tieni pajjiż fl-Ewropa bi trasport pubbliku bla ħlas.
B’din id-deċiżjoni beda jintuża ħafna aktar it-trasport pubbliku.
Fil-fatt, is-sena l-oħra, rekord ta’ aktar minn sebgħa u sittin miljun persuna wżaw is-servizz tal-karozzi tal-linja, filwaqt li s-sena ta’ qabel, kien hemm kważi ħamsin miljun passiġġier li uża l-karozzi tal-linja.
Mit-Tnejn li għadda, il-Gvern beda jagħti wkoll bla ħlas is-servizz tat-trasport bil-ferry fil-Port il-Kbir u l-użu tal-lift fil-Belt Valletta.
Fl-istqarrija, il-Ministru għat-Trasport, Chris Bonett semma s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif imxew id-diskussjonijiet mal-operatur privat u ħeġġeġ aktar nies jagħmlu użu minn dan is-servizz b’xejn matul is-sena kollha.
Tista tapplika hawnhekk: https://www.publictransport.com.mt/register-now