Propju fl-ewwel logħba ta’ Andrew Cohen fit-tmexxija ta’ Gzira United, huma ħasdu lil Floriana meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex ikkastigawhom għat-tieni telfa konsekuttiva fil-kampjonat. Gzira United għarfu jagħlqu tajjeb l-ispazji – xi ħaġa li switilhom mitqlu deheb biex finalment kisbu din ir-rebħa. Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet l-ewwel rebħa għal Gzira fil-kampjonat sa mir-rebħa ta’ 3-0 kontra Mosta fis-26 ta’ Novembru li għadda.
Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu wara ħames minuti meta Matheus de Sousa kellu xutt insidjuż salvat bi bravura mill-goalkeeper Kroat tal-Maroons, Darijan Zarkov. Dan sabiex żewġ minuti biss wara, Alexandros Kouro, dejjem għall-Greens reġa’ impenja lil Zarkov li kien attent u salva tajjeb.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Floriana u fit-12-il minuta Lorenzo Da Grazia kellu xutt mid-distanza jintemm barra.
Gzira wieġbu għall-ewwel darba fis-17-il minuta permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Lucas Macula li ntemm barra. Iżda kienu Floriana li tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fil-35 minuta meta Maksim Valadzko xeħet cross fil-baxx fid-direzzjoni ta’ Matheus De Sousa, iżda dan minn taħt il-lasta għamel l-impossibbli u tefa’ inkreddibilment barra.
Gzira United fetħu l-iskor fl-44 minuta meta Gabriel Bohrer Mentz bit-takuna għadda tajjeb lejn Thaylor Aldama li b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq il- goalkeeper Bulgaru tal-Greens, Georgi Kitanov, u tefa’ ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji tal-Maroons.
Wara kwarta logħob fit-tieni taqsima freekick b’saħħtu mid-distanza ta’ Thiago Espindola għall-Maroons għadda barra. Dan sabiex żewġ minuti wara Lucas Macula dejjem għal Gzira kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu jintemm ukoll barra.
Fit-88 minuta Thiago Espindola għal Gzira ttanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza li iżda ntemm barra.
Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba: Zach Scerri (Gzira U.)