Valletta rritornaw għar-rebħ wara aktar minn xahrejn meta kisbu rebħa konvincenti ta’ 3-0 fuq Gudja United li tgħinhom jinqalgħu mir-raba’ post mill-aħħar li huma kienu qed jaqsmu ma’ Gzira United u Mosta.
Mill-banda l-oħra Gudja jibqgħu jokkupaw l-aħħar post tal-klassifika ma’ Sirens fejn għadhom ukoll l-uniku team mill-Kampjonat Premier bla rebħa.
Valletta fetħu l-iskor wara żewġ minuti biss logħob fl-ewwel azzjoni tal-logħba meta Victor Luiz Prestes Filho xeħet cross fil-baxx u d-difensur Gudjan Fernando Mendes fit-tentattiv li jikklerja xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Gudja ppruvaw iwettqu reazzjoni b’xutt ta’ Shaisen Attard fis-7 minuta salvat tajjeb mill-goalkeeper Belti Alessandro Guarnone.
Żewġ minuti biss wara Falcone kellu xutt li ħabat mal-lasta l-mimduda u l-istess Falcone fit-12-il minuta ra tentattiv ieħor jgħaddi sbrixx mal-lasta. Shaun Dimech falla ċans tajjeb fit-30 minuta li jkabbar il-vantaġġ Belti, iżda fit-42 minuta Valletta rduppjaw meta lis-stess Dimech xeħet cross tajjeb u Federico Falcone bir-ras ma falliex.
Fit-tieni taqsima Gudja ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba imma ftit li xejn inkwetaw lil Guarnone, li kien qed jirritorna bejn il-lasti Beltin. Fil-55 minuta Stephen Akomeah ittanta xortiħ b’xutt li Guarnone salva mingħajr wisq diffikulta’.
Valletta dehru jikkontrollaw tajjeb il-vantaġġ doppju li kellhom u saħansitra komplew iserrħu rashom mir-riżultat fit-83 minuta meta Diego Cardoso temm azzjoni personali b’xutt li spiċċa fir-rokna tax-xibka għat-tielet goal Belti.
Referee: Malcolm Spiteri
BOV plejer tal-logħba: Federico Falcone (Valletta FC)