Goal uniku skurjat fil-65 minuta kien biżżejjed biex Sliema Wanderers jiksbu rebħa oħra u jsaħħu t-tielet post fil-klassifika f’logħba nieqsa ħafna mill-azzjonijiet kontra Sirens.
Għat-team minn San Pawl il-Bahar kienet telfa oħra li ħalliethom ankrati f’qiegħ il-klassifika.
Madankollu l-istorja setgħet kienet waħda differenti kieku Sirens ma fallewx ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ meta wara sitt minuti logħob huma ngħataw penalty għal foul fil-kaxxa tad-difensur Slimiz Bernardo Freire fuq Mohammed Akadom imma x-xutt mill-11-il metru ta’ Kwasi Donsu gie salvat tajjeb mill-goalkeeper Slimiż Rashed Al Tumi.
Sliema wieġbu tliet minuti biss wara b’xutt tajjeb ta’ Vito Plut li l-goalkeeper Andrea Cassar salva f’corner.
Mal-ħin Sliema bdew jidhru aħjar imma ftit li xejn heddew il-lasta difiża minn Cassar bl-aħjar okkażjoni tkun xutt ta’ Geoffrey Acheampong fit-28 minuta li Cassar salva tajjeb.
Fid-39 minuta Sliema tilfu lill-attakkant Vito Plut li weġġa’ biex floku daħal jilgħab Lydon Micallef.
Fit-tieni taqsima, Sliema ħarġu fuq l-attakk iżda kellhom jistennew sal-64 minuta biex joħolqu l-ewwel azzjoni denja li wasslet ukoll għall-goal deċiżiv. Christ Kuoao xeħet għan-nofs fejn Muhamad Abdulah Awad mill-qrib kompla biex xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Ir-riħ tqawwa ħafna fit-tieni taqsima u pjuttost għamel il-kontroll aktar diffiċli, biex sat-tmiem, għalkemm baqgħu l-aħjar, Sliema ftit li xejn ħolqu azzjonijiet perikolużi.
L-aktar li resqu qrib li jirduppjaw kien fid-89 minuta meta tentattiv ta’ Lydon Micallef ġie kklerjat f’corner mid-difiża tas-Sirens.
Referee: Darryl Agius
BOV Plejer tal-Logħba: Geoffrey Edwin Acheampong (Sliema W.)