Hekk fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Sylvester Farrugia, issemmew iż-żewġ persuni l-oħra li kienu fil-kumpanija tal-vittma dakinhar tal-qtil.
Wieħed minnhom li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li għadha għaddejja l-investigazzjoni huwa eks-pulizija.
Minn filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà li kien hemm mad-dar tal-akkużat Deniro Magri, il-pulizija rnexxielha tiddentifika min kien mal-vittma wara li Magri allegatament qatel lil Farrugia.
Fil-Qorti l-ispettur Keith Arnaud spjega li inizzjalment wieħed miż-żewġ persuni identifikati ċaħad li kien fil-kumpanija ta’ Farrugia iżda meta sar jaf li l-pulizija għandha xi filmati f’idejha, waqaf iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija.
Il-pulizija qed tqabbel il-marki tas-swaba’ ta’ dawn iż-żewġ persuni mal-landa tal-pitrolju li nstabet mal-bieb tad-dar ta’ Deniro Magri.
Dan għaliex mill-investigazzjonijiet li saru l-vittma flimkien maż-żewġ persuni l-oħra, allegatament kienu se jaħarqu l-bieb tad-dar tal-akkużat.
Id-difiża qed targumenta li Deniro Magri spara numru ta’ tiri bl-addoċċ u laqat lil Farrugia biex jiddefendi ruħu.
L-akkużat baqa’ jsostni li hu qatt ma kien jaf lill-vittma.
Lill-pulizija, Magri kien qalilhom li fis-sigħat bikrin tat-tnax ta’ Frar huwa spara għaliex ħaseb li dawk li ġew wara biebu kellhom xi bomba.
Sylvester Farrugia miż-Żurrieq kien nstab mejjet riekeb fis-seat ta’ wara tal-karozza.
Jirriżulta li miet wara li ntlaqat minn tir f’dahru.