“Nisma’, Nitkellem u Nipprova”. Din hija t-tema ta’ tliet workshops li se jiġu organizzati matul din is-sena mill-Aġenzija Żgħażagħ għall-ġenituri dwar diversi temi, fosthom dwar iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni non-formali. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Is-Segretarju Parlamentari semma kif Aġenzija Żgħażagħ toffri diversi servizzi u programmi indirizzati għaż-żgħażagħ. Permezz ta’ dawn il-workshops, l-Aġenzija se tkun qiegħda toffri aktar għarfien lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu fl-iżvilupp ta’ uliedhom. F’dawn it-tliet workshops se jiġu esplorati t-temi taż-żgħożija u l-edukazzjoni non-formali, fost temi oħra, fejn il-ġenituri jkollhom il-possibilità jistaqsu u jitgħallmu aktar dwar il-bżonnijiet u l-isfidi li uliedhom jiffaċċjaw f’dan il-perjodu kruċjali ta’ ħajjithom.
“Ma nistgħux inkunu ta’ għajnuna għaż-żgħażagħ mingħajr ma ninvolvu lill-ġenituri. L-edukazzjoni tibda mid-dar stess u huwa essenzjali li l-ġenituri jkollhom l-għodda meħtieġa sabiex jgħinu lill-uliedhom jitilgħu b’valuri soda. Permezz ta’ dawn il-workshops, il-ġenituri se jingħataw ukoll aktar tagħrif dwar il-bżonn tal-edukazzjoni non-formali għat-tfal, lil hinn mid-dinja akkademika. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-ġenituri sabiex jipparteċipaw,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma stqarret li dawn il-workshops se jkomplu jestendu s-servizzi ta’ tagħlim li toffri l-Aġenzija Żgħażagħ, grazzi għall-ħidma tal-youth workers li jaħdmu fl-istess Aġenzija.
“F’dawn il-workshops se niddiskutu flimkien, nagħtu tagħrif ta’ kif wieħed jimxi maż-żgħażagħ, u nservu bħala gwida biex intaffu ftit mill-piż li jiffaċċjaw il-ġenituri fit-trobbija ta’ uliedhom. Irridu nisimgħu lill-ġenituri u nuruhom kemm l-edukazzjoni non-formali tista’ tkun essenzjali għall-iżvilupp effettiv tal-karattru tat-tfal tagħhom,” temmet tgħid Miriam Teuma.
Il-workshops se jiġu organizzati fil-Youth Village ta’ Aġenzija Żgħażagħ mingħajr ħlas. Kull min jixtieq japplika jista’ jagħmel dan onlajn billi jżur: https://forms.gle/b552zAYTmUhRD97N6.