Ġie ffirmat ftehim ta’ €170,000 bejn il-Ministeru tal-Familja u SOS Malta biex jiġi ffinanzjat il-programm Kellimni.com.
Dan il-programm li kien beda xi żmien ilu bejn SOS Malta, Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Żgħażagħ u s-Sależjani ta’ Dun Bosco huwa intiż biex tfal u adoloxxenti ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ profesjonisti (psychologists) permezz ta’ email, chat jew inkella online forums.
Fl-2016 ġiet żvillupata app li t-tfal u l-adoloxxenti jistgħu jniżżlu fuq il-mobile, li minnha jistgħu jikkomunikaw direttament ma’ professjonisti li jaħdmu f’dan il-programm dwar diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom tul il-ħajja tagħhom u isibu sapport u assistenza professjonali.
Dan il-proġett huwa wieħed minn erbgħa li jeżistu madwar id-dinja. It-tliet pajjiżi l-oħra huma il-Kanada, l-Isvizzera u l- Irlanda.
Madwar sena ilu meta l-Minsiteri ġie avviċinat biex niffinanzjaw dan il-proġett, l-ewwel xewqa tal-Ministru kienet li filwaqt li qabel is-servizz kien ta’ 4 siegħat kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa issa se jibda jaħdem fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa.
Dan biex it-tfal u ż-żgħażagħ, kull meta jkunu affaċjati bi problemi emozzjonali, bullying, esklużjoni soċjali u/jew kull xorta ta’ abbuż jistgħu dejjem isibu professjonisti biex jisimgħu dak id-dwejjaq jew inkella issues of concern oħra li jkollhom dawn it-tfal u l-adoloxxenti.
Dan il-proġett qed ikun effettiv kif ukoll popolari mat-tfal u l-adoloxxenti. Is-sena l-oħra, meta dan il-programm kien għadu jitmexxa fuq medja ta’ 4 sigħat kuljum kien hemm 10,000 ta’ hits. Dan juri li llum fl-era tat-teknoloġija saru jħossuhom ħafna iktar komdi jikkomunikaw permezz tal-email, chats jew messaġġi.
Se jkun qed jiġi mmassimizzat l-investiment li qed jagħmlu f’dan il-programm u għalhekk intlaħaq ftehim bejn Kellimni.com u l-FSWS biex telefonati li jidħlu fuq il-179, u jkun jidher ċar li hemm bżonn ta psychologist, jiġu diverted għand psikologi li se jkunu jaħdmu mal-programm Kellimni.com. Dan kien possibli wara investiment li sar mill-FSWS fl-infrastuttura diġitali tan-linja 179 fl-2015.
Għalhekk ġie ffirmat il-ftehim ta’ €170,000 fis-sena għat-tliet snin li ġejjin ħalli ngħinu tfal u żgħażagħ fil-mument l-aktar vulnerabbli 24 siegħa kuljum.