Hekk kif mit-Tnejn is-servizz tal-ferry fil-portijiet sar b’xejn għal kull mingħandu t-Tallinja Card, dawk li jużaw is-servizz b’mod regolari se jkunu qed jiffrankaw mat-€800 fis-sena.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett fil-Parlament, waqt il-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari.
Il-Ministru stqarr li, hekk kif qabel persuna kienet tonfoq €2 għat-traġitt fuq il-baħar u €1 biex tuża l-lift tal-Barrakka ta’ Fuq, dawn issa qed jiġu ffrankati u se jibqgħu fil-but taċ-ċittadini.
Qal li hu stmat, għalhekk, li se jiġu ffrankati mas-€780 fis-sena minn kull persuna.
Minbarra hekk, il-Ministru Bonett qal li dan l-inċentiv se jkun qed jgħin ukoll biex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq. Is-sena l-oħra aktar minn miljun persuna użaw tali servizzi fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett.