Nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar, imiss li jitħallsu l-pensjonanti bil-pensjoni tal-invalidità u dawk fuq il-pensjoni minima nazzjonali.
Dan bħala parti mit-twettieq ta’ aktar miżuri soċjali li ħabbar Gvern Laburista fil-Baġit għall-2024.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern, l-Erbgħa waranofsinhar, indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Fil-fatt, il-Ministru Falzon spjega kif dan se jsir fi sfond ta’ aktar ħlasijiet li saru qabel lil aktar pensjonanti, skond il-miżuri mtejba li ħabbar Gvern Laburista fl-aħħar qari tal-Baġit.
“Is-Sibt li ġej jekk Alla jrid, jidħlu l-ħlasijiet ta’ żewġ kategoriji ta’ pensjonanti oħra. Diġà saru ħlasijiet lill-pensjonanti u dawn ukoll se jkunu bir-rata miżjuda. Qed nitkellmu allura li se jidħlu l-ħlasijiet ta’ dawk il-persuni li għandhom pensjoni tal-invalidità u dawk il-persuni li qegħdin fuq il-pensjoni minima nazzjonali.”
Michael Falzon – Ministru
Aktar kmieni dan ix-xahar, 63,500 anzjan u anzjana bil-pensjoni tal-irtirar, irċevew iż-żieda dovuta lilhom fil-pensjoni. Dan filwaqt li mat-18,000 pensjonant li huma romol, wkoll ħadu ż-żieda taghhom, biex b’hekk bil-ħlasijiet tas-Sibt li ġej, mal-31,000 pensjonant ieħor ukoll ikunu rċevew il-pagamenti tagħhom bl-aħħar żidiet imħabbra fil-Baġit 2024.
Intant, il-Ministru Falzon fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li beda x-xogħol biex isiru l-aġġustament gradwali li jagħmlu tajjeb għad-diskriminazzjoni li ħoloq Gvern Nazzjonalista bejn il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara u li kienu qed jirċievu l-pensjoni massima.
Fil-fatt, il-Ministru Michael Falzon spjega li qed jiġi evalwat il-massimu li jirċievu l-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 biex sal-ewwel nofs ta’ din is-sena dan l-aġġustament jibda jitħallas b’mod gradwali.
“Bdejna naħdmu naraw lill-pensjonanti li qegħdin fuq dak li huwa l-massimu ta’ qabel in-1962 biex nibdew nagħmlu l-aġġustamenti gradwali sakemm inġibu l-massimu tal-pensjonijiet kollha għal kulħadd l-istess. Ix-xogħol miexi u nantiċipaw li jekk Alla jrid sal-ewwel nofs ta’ din is-sena nibdew inħallsu dawn l-aġġustamenti.”
Michael Falzon – Ministru
Il-Ministru Michael Falzon aċċenna wkoll għall-miżura tal-In-Work Benefit. Hawn sostna li dan il-benefiċċju li jitħallas bi 3 xhur b’lura se jkun qed jitħallas fl-ewwel ġimgħa ta’ April li ġej. Dan ukoll se jsir skond iż-żidiet mħabbra fil-Baġit 2024.
Dan il-benefiċċju fil-fatt issaħħaħ b’żieda ta’ €50 għal kull wild li għandu taħt it-23 sena u li b’hekk se tkun qed jolqot madwar 23,000 familja, li flimkien għandhom 34,500 tifel u tifla. Dan anke hekk kif in-numru ta’ familji li gawdew minn dan il-benefiċċju ttripplaw mis-sena l-oħra ’l hawn wara li daħlet fis-seħħ is-sistema awtomatizzata li tidentifika l-benefiċċjarji mingħajr il-ħtieġa li wieħed japplika.