Adrian Casha, wieħed mill-Viċi Presidenti attwali tal-Malta Football Association, ħabbar li se jkun qed jerġa’ jikkontesta għall-istess kariga fl-elezzjonijiet li se jsiru f’nofs Marzu li ġej.
Casha għamel dan permezz ta’ stqarrija lill-midja, li eventwalment ġiet ukoll ippublikata fuq il-paġna personali tiegħu fuq Facebook.
Fl-istqarrija Casha għamel referenza għall-ħidma li wettaq fi ħdan l-MFA f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs, fejn fost l-oħrajn għamel referenza għall-involviment tiegħu fit-tfassil ta’ MOU’s li ġew iffirmati ma’ kull assoċjazzjoni membru sabiex l-MFA tiggarantixxi s-sostenn tagħha li min jilgħab f’livell amatorjali jew mat-tim tal-post tax-xogħol tiegħu, lill-assoċjazzjoniet tal-kowċis u tar-referis, kif ukoll investiment akbar fil-Futsal u l-Beach Soccer. Huwa għamel referenza ukoll għaż-żminijiet ta’ sfida li hu flimkien mal-kumplament tal-amministrazzjoni għaddew minnha fejn tpoġġiet fil-prattika strateġija msejsa fuq żvilupp infrastrutturali, titjib fit-teknika tal-logħba, sistemi aġġornati ta’ identifikazzjoni ta’ talenti, firxa aktar wiesgħa ta’ korsijiet tal-kowċing, fiduċja akbar fil-ħiliet tagħna, u regolamentazzjoni li tirrispetta l-obbligi tal-MFA bħala membri sħaħ fi ħdan il-FIFA u l-UEFA.
Adrian Casha huwa t-tieni kandidat li kkonferma l-kandidatura tiegħu għall-ħatra ta’ Viċi President wara li nhar il-Ħadd li għadda Dr. Matthew Paris ukoll ikkonferma l-kandidatura tiegħu.
Fl-elezzjoni ta’ Marzu li ġej b’kollox iridu jinħatru tliet Viċi Presidenti fejn għall-ewwel darba, waħda mit-tlieta trid tkun mara. Huwa mifhum li Dana Farrugia hija waħda mill-persuni li possibilment tixħet il-kandidatura tagħha fil-ġranet li ġejjin. Mhux eskluż ukoll li aktar kandidati jħabbru l-kandidatura tagħhom fil-jiem li ġejjin.