Matul l-għaxar snin li jmiss, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed twettaq bosta proġetti, li b’investiment ta’ aktar minn €310 miljun.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti hekk kif ingħataw id-dettalji dwar il-pjan nazzjonali ta’ investiment fl-infrastruttura tal-ilma għal pajjiżna.
Fl-uffiċċju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ġie spjegat kif l-għan ta’ dan il-pjan hu li jkompli jiġi offrut l-aqwa servizz lill-konsumaturi, filwaqt li jsir it-twettiq ta’ diversi miżuri biex il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura jilqgħu għat-tkabbir fid-domanda, filwaqt li l-konsumaturi tassew igawdu minn livell ogħla fil-kwalità tas-servizz.
Fil-fatt, il-pjan se jkun qed jara li jindirizza sfidi bħall-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li d-drenaġġ jiġi mmaniġġjat b’mod effiċjenti. Il-pjan jistabbilixxi wkoll qafas strateġiku għall-investiment fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma u t-trattament tad-drenaġġ, bil-għan li jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ din ir-riżorsa mill-popolazzjoni u l-ekonomija.
Uħud mill-miżuri li se jittieħdu bħala parti minn dan il-pjan jinkludu żieda fil-produzzjoni u t-tisħiħ tan-network tan-New Water b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun; rinnovar ta’ ġibjuni bħal tal-Fiddien u Ta’ Ċenċ, b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun; konnessjonijiet ġodda ma’ ġibjuni f’Għawdex, b’investiment ta’ €1.2 miljun; 100km ta’ titjib fin-network tal-ilma f’lokalitajiet bħala Fleur de Lys, Ħal Għargħur u Pembroke, b’investiment ta’ ’l fuq minn €40 miljun; titjib f’impjanti ta’ reverse osmosis, b’investiment ta’ €33 miljun; u investiment ta’ €14-il miljun għal tagħmir ġdid fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, fost ħafna oħrajn.
B’rabta ma’ dan il-pjan fuq medda ta’ għaxar snin, il-Ministru Dalli sostniet li l-pjan il-ġdid jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ din ir-riżorsa mill-popolazzjoni u l-ekonomija.
“Qegħdin nippjanaw bil-quddiem biex, fl-għaxar snin li ġejjin, nagħmlu dawk il-proġetti li verament jistgħu jaċċertaw is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ilma fil-pajjiż u anke tat-trattament tad-drenaġġ. Qegħdin naraw ukoll li ninvestu ferm aktar f’dawk il-proġetti li jistgħu jindirizzaw sfidi li jkollu l-pajjiż bħalma hi l-isfida fit-tibdil fil-klima.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Sadanittant, il-Ministru Dalli sostniet ukoll li hemm investiment qawwi favur aktar ġenerazzjoni tal-ilma tal-pjan u li jmur id f’id ma’ green paper li tnediet ftit żmien ilu favur aktar sostenibbiltà f’dan il-qasam.
“Għandna investiment pjuttost qawwi wkoll fejn tidħol il-produzzjoni ta’ New Water, għax qed naraw li dan hu tip ta’ ilma li qed jgħin lill-bdiewa tagħna u li tajjeb nifirxuh ferm aktar mal-pajjiż.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Tħabbar ukoll kif bħala parti minn dan il-pjan se jsir investiment ta’ ’l fuq minn €20 miljun fi proġett ta’ micro-tunneling f’diversi lokalitajiet, fosthom il-Marsa, San Pawl il-Baħar, ir-Rabat Għawdex, u ż-Żejtun.
Dan filwaqt li f’Birżebbuġa, il-Korporazzjoni qed tippjana investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun biex jittejjeb in-network. Se jsir ukoll titjib ieħor fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ b’investiment ta’ ’l fuq minn €20 miljun.
B’rabta ma’ dan, il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia spjega li l-Korporazzjoni tinsab f’mument kruċjali fl-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma u għalhekk dan il-pjan hu xhieda tal-mod proattiv u d-dedikazzjoni biex jiġi żgurat l-ogħla standards ta’ kwalità u servizz tal-ilma.