Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar kollaborazzjoni li, permezz tagħha, is-Soċjetà Maltija tal-Arti se tkun qed tirċievi €65,000 f’fondi għall-Programm tal-Arti Performattiva 2024 u għall-Programm ta’ Residenza Malta Society of Arts u Arts Council Malta.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid l-opportunitajiet fi ħdan il-komunità kreattiva f’konformità mal-prinċipji ta’ gwida li jifformaw parti mill-Istarteġija 2025, l-istrateġija kulturali nazzjonali ta’ Malta. Il-proġett se jkun qed jinħadem bi qbil bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u s-Soċjetà Maltija għall-Arti bil-għan li tiġi sostnuta l-industrija kreattiva u artistika, filwaqt li toffri aktar aċċessibbiltà għall-arti għal udjenzi varji.
Id-Direttur Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi qalet li se tkun qed tingħata prijorità biex il-kollaborazzjonijiet bejn organizzazzjonijiet kulturali, artisti, u prattikanti jiffaċilaw ruħhom. Kompliet tgħid kif din l-inizjattiva hi prova ċara oħra ta’ kif il-Kunsill Malti għall-Arti għandu rwol vitali fl-investimenti u fit-tmexxija strateġika fis-setturi artistiċi u kulturali.
Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Arti, Adrian Mamo, qal li dawn l-inizjattivi se jservu biex jattiraw u jservu bħala leħen ġdid għad-diversi artisti u prattikanti fid-dinja kulturali.
Il-Kap tal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Adrian Debattista saħaq li l-iżvilupp professjonali tal-artisti u l-prattikanti kreattivi huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-istrateġija nazzjonali kulturali. Hu żied jgħid li, b’appoġġ kontinwu ma’ PCOs, ICOs u istituzzjonijiet edukattivi, huma jkunu qed jiffaċilitaw il-karrieri u l-aspirazzjonijiet kreattivi tal-artisti u l-prattikanti.
Il-Kap tal-Programmi u Inizjattivi tal-MSA Gabriel Zammit spjega li l-għan tal-inizjattiva hu li jinħoloq spazju fejn l-individwi jkunu jistgħu jirriflettu u jiżviluppaw il-prattika tagħhom f’ambjent iddedikat għalihom.
L-Eżekuttiv tal-Edukazzjoni u Żvilupp fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Nikki Petroni tenniet tgħid kemm hu importanti li permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn, il-Kunsill Malti għall-Arti ikun qiegħed joħloq aktar opportunitajiet sabiex iż-żgħażagħ ikomplu jgawdi minn dan l-investiment fuq it-talent tagħhom.