Hekk kif f’nofs Marzu se jkunu qegħdin isiru l-elezzjonijiet għall-ħatra jew konfermi ta’ President u Vici-Presidenti ġodda fi ħdan il-Malta Football Association, il-Ħadd, waqt l-edizzjoni tal-programm L-Argument, wieħed mill-Viċi Presidenti attwali Dr. Matthew Paris ikkonferma l-kandidatura tiegħu u għalhekk se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ta’ Viċi President fl-elezzjonijiet li jmiss.
Paris ilu jokkupa dan l-irwol għal dawn l-aħħar sitt snin fejn flimkien mal-kumplament tal-amministrazzjoni irnexxielu jwettaq bosta riformi. Waqt il-programm L-Argument, Paris sostna li l-bini taċ-ċentru tekniku ġdid huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena filwaqt li t-twaqqigħ tal-enclosure fi ħdan l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali mistenni li jibda eżatt wara.
B’kollox iridu jiġu eletti tliet Viċi Presidenti, b’wieħed mit-tlieta trid tkun mara. Il-favorita għal dan il-post hija Dana Farrugia li b’kull probabilità ma tiġix ikkontestata.
Persuna oħra li x’aktarx tikkontesta din l-elezzjoni hija Adrian Casha li preżentament ukoll qed jokkupa l-irwol ta’ Viċi President. Mhux eskluż li aktar persuni se jkunu qed iħabbru l-kandidatura tagħhom fil-jiem li ġejjin.
Intant minkejja diversi xnijat, jidher li l-President attwali Bjorn Vassallo mhux se jkun ikkontestat u għalhekk jiġi konfermat għall-erba’ snin li ġejjin.