Il-fazzjoni tal-‘Blue Heroes’ fil-Partit Nazzjonalista baqgħet m’aċċettatx lil Michael Piccinino bħala wieħed minnha u wara li użawh meta kellhom bżonn, qed jiġi kkunsidrat pjan biex, fix-xhur li ġejjin, iqaċċtuh minn postu, jiġifieri mill-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit.
ONE News hu informat li, minfloku, jixtiequ jħajru lill-eks Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli, li attwalment hi l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, biex tassumi dan ir-rwol mill-aktar importanti fil-ġerarkija tat-tmexxija tal-Partit.
Sorsi affidabbli qalulna li, wara dan il-pjan biex jitneħħa Piccinino, hemm is-soltu idejn tal-fazzjoni tal-establishment Nazzjonalista.
Din hi l-istess fazzjoni li fl-aħħar jiem forzat lill-Kap Bernard Grech biex jagħmel reshuffle fix-Shadow Cabinet fejn, b’mod partikolari, tneħħa l-qasam tal-intern minn taħt ir-responsabbiltà tad-Deputat Joe Giglio.
Mhux magħruf jekk f’ikla f’lukanda ewlenija, li ONE għandu konferma tagħha, bejn Claudio Grech, Paul Borg Olivier u Ivan Camilleri, l-eks ġurnalist tat-Times li kellhom ikeċċuh bilfors wara ħafna reżistenza, kienx diskuss ukoll is-suġġett tat-tneħħija ta’ Piccinino.
Jirriżulta, iżda, li kien fil-perjodu wara din l-ikla li qabad jiċċirkola sew l-għajdut fil-PN f’dan ir-rigward.
Michael Piccinino kien ħa l-kariga flok Francis Zammit Dimech bit-tama li l-PN jidher li qed jagħmel xi tiġdid. Dan wara perjodu fejn fil-Partit kienu qed jesperjenzaw għadd ta’ riżenji ta’ uffiċjali minn karigi varji.
Hu sigriet magħruf, iżda, li Piccinino baqa’ dejjem fid-dell ta’ dawk li użawh biex, fil-mument li kellhom bżonn, mela toqba, anke jekk ipprova jagħmel minn kollox biex juri li hu wieħed minnhom. Fosthom billi, permezz ta’ Paul Borg Olivier, indieħes fil-Casino Maltese tal-Belt jew il-Każin Malti, kif inhu magħruf ukoll.
Fl-istess ħin, il-preżenza ta’ Zammit Dimech fid-Dar Ċentrali baqgħet xorta waħda konsistenti bil-vettura tiegħu spiss tkun ipparkjata barra b’mod evidenti.
Il-‘Blue Heroes’, b’Deputati bħal Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami fuq quddiem nett, ftit li xejn jirrikonoxxu l-awtorità li suppost għandu Piccinino f’dik li hi meqjusa bħala t-tieni l-aktar kariga importanti fil-Partit.
Kariga li assumewha nies li fil-Partit meqjusin ‘seniors’, bħalma kienu Joe Saliba, Austin Gatt u Lawrence Gonzi. U hi din waħda mir-raġunijiet li qed jissemmew għalxiex għandu jinbidel Piccinino fix-xhur li ġejjin.
Il-pjan bħalissa hu li jtajrulu rasu wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej. ONE informat li, biex jagħmlu din il-mossa, diġà bdew jissemmew xi ismijiet u kien hawn fejn feġġ isem Marthese Portelli.
Mhux magħruf, iżda, jekk din il-mossa hux jarawha f’iżolament jew ma’ xi manuvri oħrajn, iżda riċentament Piccinino qala’ aktar minn daqqa politika waħda internament. Saħansitra spiċċa maqbud f’nofs il-ġlied tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) ix-xahar li għadda, fejn erba’ membri qrib il-Kap spiċċaw jirriżenjaw en bloc.
Din ukoll wasslet għall-kritika fil-konfront tiegħu. Fil-fatt dawk li ma jriduhx qed jgħidu li, bħala Segretarju Ġenerali, kellu jġib l-għaqda u mhux iżid il-konflitt.