Is-sena l-oħra, bis-servizz tal-ferry popolari li jgħaqqad il-Kottonera u Tas-Sliema mal-Belt Valletta vjaġġaw fuqu aktar minn miljun u mitejn elf passiġġier.
Bis-servizz li jgħaqqad tas-Sliema mal-Belt użawh aktar minn seba’ mija u sittin elf passiġġier, waqt li dak bejn il-Kottonera u l-Belt użawh kważi nofs miljun passiġġier.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, fejn il-Ministru responsabbli minn dan id-dekasteru, Chris Bonett tenna li din hija miżura oħra li tixhed il-prinċipji li fuqhom hi mibnija l-politika tal-Gvern.
Il-Ministru Bonett sostna li apparti li se tħalli aktar flus fil-but tan-nies, din il-miżura se tgħin biex itejjeb il-kwalità tal-arja u tal-ħajja ġenerali għar-residenti u tan-nies fl-inħawi tal-portijiet.
Hu tenna li din hi miżura oħra fil-promozzjoni kontinwa ta’ trasport sostenibbli b’aktar skemi ppjanati għaż-żmien li ġej. Dr Bonett saħaq li jemmen li dan kollu se jgħin biex aktar nies jersqu lejn servizzi ta’ trasport tal-massa.
F’din l-istqarrija, il-Ministru Chris Bonett qal li dawn il-bidliet juru l-impenn tal-Gvern biex jilħaq il-miri ambjentali ta’ pajjiżna, partikolarment dawk marbuta mat-tibdil fil-klima.
Sadanittant, Transport Malta fi stqarrija ħabbret ukoll li minbarra aċċess b’xejn għal dan is-servizz, dawk li għandhom Tal-Linja Card se jgawdu wkoll mill-użu tal-Lift tal-Barrakka b’xejn.
F’din l-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg sostna li din l-iniżjattiva hi pass ieħor lejn il-promozzjoni ta’ modi ta’ trasport sostenibbli u favur l-ambjent.
RITRATT: VERY VALLETTA