Matul din is-sena l-Kunsill Reġjonali tal-Lvant qed jokkupa t-titlu tar-Reġjun Kulturali 2024.
Għal dan il-għan, dan il-Kunsill Reġjonali b’kollaborazzjoni mat-12-il lokalità fi ħdanu, ser itellgħu programm kulturali li jiċċelebra u jippromwovi l-wirt kulturali uniku ta’ dawn it-tnax il-lokalità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ffinanzja lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant kwart ta’ miljun ewro għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm kulturali, filwaqt li r-Reġjun se jikkontribwixxi €25,000 għall-istess għan.
Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tal-President Reġjonali tal-Lvant Anthony Chircop.
Qalet, “Għat-tieni sena konsekuttiva d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qiegħed jalloka kwart ta’ miljun ewro permezz ta’ skema ddedikata għar-reġjun kulturali anwali li din is-sena se jkun ir-reġjun Lvant li se jkun qed jonorana b’dan it-titlu wara li s-sena l-oħra kien ir-reġjun Nofsinhar li ppreżentalna programm ta’ attivitajiet sabiex ilaqqana mat-tnax il-lokalità kif se jkun qed jagħmel dan ir-reġjun ukoll u se nkunu qed naraw b’mod partikolari l-aspett kulturali ta’ dawn il-lokalitajiet.”
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li t-titlu tar-Reġjun Kulturali ser jagħti kontribut addizzjonali fil-promozzjoni tal-kultura, l-artisti u t-tradizzjonijiet lokali tat-tnax-il lokalità fi ħdan ir-Reġjun Lvant.
Is-Segretarju Parlamentari temmet id-diskors tagħha billi awgurat kull suċċess għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm kulturali u ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi u jipparteċipa fl-attivitajiet u inizjattivi li għandu ppreparati r-Reġjun.
Minn naħa tiegħu, il-President tar-Reġjun Lvant Anthony Chircop qal li l-għan ewlieni tal-programm kulturali huwa li jippromwovi l-aspetti kulturali diversi li jiċċelebraw tradizzjonijiet antiki u kontemporanji u li joħloq spazju għal kulturi oħra wkoll. Is-Sur Chircop ħabbar ukoll li r-Reġjun ser ikun qed jippubblika Policy Document li se jirrakkomanda diversi miżuri ambjentali fir-rigward ta’ attivitajiet soċjali organizzati mill-Kunsill Reġjonali u l-Kunsilli Lokali.
It-tnax il-lokalità li jagħmlu parti minn dan ir-Reġjun huma Għargħur, Birkirkara, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, il-Pietà, San Ġiljan, Pembroke, is-Swieqi, tas-Sliema u Ta’ Xbiex.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, is-Sindki, il-Kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun tal-Lvant.