Il-Minsteru għall-Ġustizzja ħabbar it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar riforma li se tassigura ġustizzja effettiva mal-vittmi tad-droga. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa waranofsinhar fil-Berġa d’Aragona.
Hawnhekk ġie spjegat kif din ir-riforma tinkludi emendi fil-Kapitlu 537 tal-liġijiet ta’ Malta. Fil-fatt, l-emendi fl-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) jirrappreżentaw pass innovattiv u kuraġġjuż fit-teħid ta’ atteġġjament ġdid lejn il-vittmi tad-droga u lejn ir-rijabilitazzjoni minflok il-kastig tagħhom.
L-abbozz se jkun qed jiffoka b’mod partikolari fuq il-konsiderazzjonijiet umani u fuq iż-żieda tal-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’dan il-qasam.
Dwar dan tkellimna aktar ma’ Dr Alex Scerri Herrera, li hu ċ-Chairperson tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-għoti tas-sentenzi. Tenna kif dawn l-emendi se jkunu qegħdin jgħollu l-limitu tal-piż f’każi li jistgħu jaqgħu f’din il-kategorija u jibbenefikaw mit-trattament.
“Wessajna l-kompożizzjoni tal-bord u kif ukoll tajna aktar importanza u valur lir-rapporti li jinħarġu mill-istess bord biex dan ir-rapport ħa jkun qed jiġi kkomunikat lill-qrati diversi li quddiemhom individwi jista’ jkollna każ pendenti. B’hekk ħaffifna l-proċess.”
Scerri Herrera tenna wkoll kif din ir-riforma se tkun qed tagħti prijorità lid-diskrezzjoni tal-Qrati favur ir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li jkunu ġew akkużati b’pussess sempliċi tad-droga u jkunu l-ħabs.
“Illum għall-ewwel darba persuni, li nqabdu bil-pussess sempliċi, fil-ħabs qed jingħataw drittijiet simili għal dawk ta’ persuni li huma fit-triq, persuni pubbliċi. Mill-fatt li l-istess persuni jistgħu jibbenefikaw mill-proċess rijabilittativ. Dan mhux se jsir b’mod awtomatiku, però li għamilna tajna aktar diskrezzjoni lill-qrati biex ma tkunx il-kitba tal-liġi li forsi tipprojbixxi jew ixxekkel ir-rijabilitazzjoni ta’ persuni, iżda tkun proprju d-diskrezzjoni tal-ġudikant.”
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard tenna li wara li għaxar snin ilu kien Gvern Laburista li ressaq riforma kbira f’dan is-settur, issa mill-ġdid l-istess Gvern b’kuraġġ qed iressaq emendi li jirriflettu r-realtajiet tal-aħħar snin.
“Illum għaxar snin wara qed nassiguraw li dawk l-esperjenzi akkumulati f’dan il-perjodu kemm mill-membri tal-ġudikatura, kemm mill-membri tal-professjoni, l-avukati, imma kif ukoll il-vittmi nindirizzawhom f’din ir-riforma biex nassiguraw li jkollna liġi aktar effettiva u fuq kollox inkomplu mexjin lejn soċjetà fejn, mela le kulħadd iwieġeb ta’ għemilu u jkun kontabbli ta’ għemilu, imma b’mod ġust u proporzjonali.”
Il-konsultazzjoni għandha miftuħa sad-9 ta’ Frar li ġej u s-sottomissjonijiet bil-miktub se jkunu qed jintlaqgħu permezz ta’ imejl fuq consultation.justice@gov.mt jew inkella onlajn fuq publicconsultation.gov.mt.
Matul dan il-perjodu se jsiru wkoll laqgħat mal-pubbliku u l-istakeholders ewlenin.