Gżira United u Birkirkara St Helen’s baqgħu jżommu l-quċċata tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League meta rebħu l-konfronti tagħhom. Il-Maroons xejn ma sabuha faċli sabiex jirbħu lil Hibernians 3-2. Kienet logħba ferm movimentata bir-riżultat inċert sal-aħħar minuta. Gilbert Camilleri Lowell skorja doppjetta filwaqt li Dino Cachia żied ieħor għat-tim tiegħu. Glenn Bonello skorja doppjetta għal Hibernians.
Birkirkara St Helen’s kisbu skor konvinċenti ta’ 9-3 kontra Rabat Veterans. Firas Aboulezz kien ta’ ispirazzjoni għall-Karkariżi meta sab ix-xibka tliet darbiet b’Malcolm Bugeja u Daniel Cremona li jiskorjaw doppjetta kull wieħed. Kevin Sammut u Andy Portelli għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Rabat skorjaw it-tliet gowls tagħhom permezz ta’ Darren Galea, Timothy Zammit u Joseph Caruana.
Iċ-champions MFPA kienu dominanti fuq it-tim tal-qiegħ Żurrieq Wolves hekk kif rebħu 7-0. Mark Barbara kien f’forma mill-aqwa meta skorja erba’ gowls, Thomas Paris kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Roderick Bajada ukoll niżżel ismu fost l-iskorers. Żejtun Red Stars irritornaw għar-rebħ bi stil meta għelbu lil Luxol 6-3. Iż-Żwieten kellhom logħba ferm pożittiva fejn Malcolm Camilleri u Pierre Spiteri skorjaw doppjetta kull wieħed b’Renjos Farrugia u Nikolai Filipov li kienu wkoll fost l-iskorers. Luxol żammew mal-avversarji tagħhom b’gowls ta’ Manolito Micallef, Michael Galea u Luke Satariano.
STANDINGS – VMFA CISK PREMIER LEAGUE
Gżira United, Birkirkara St Helen’s 19, MFPA 14, Hibernians 12, Rabat Veterans, Luxol 10 , Żejtun Red Stars 9, Żurrieq Wolves 0