Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li għat-tliet snin li ġejjin, il-Gvern se jinvesti miljun u tlett mitt elf ewro (€1.3 miljun) fil-Prison Inmates Programme li jitmexxa minn Caritas, biex ikompli joffri ambjent ta’ dar maħsub speċifikament għal priġunieri dipendenti fuq id-droga waqt li jkunu qegħdin jiskontaw is-sentenza.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel lil persuni li qegħdin isegwu programm rijabilitattiv fil-komunità tal-Caritas f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Dr Abela tenna li l-Gvern jemmen li kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tirrijabilita ruħha u timxi ’l quddiem.
Il-Prim Ministru tenna li għalhekk il-Gvern għal darb’oħra qiegħed jinvesti fil-Prison Inmates Programme li jitħaddem mill-Caritas Malta, biex dawn il-persuni jingħataw l-attenzjoni u s-sostenn li jeħtieġu biex joħorġu mid-dipendenza tad-droga u jkunu dejjem aktar lesti biex wara li jiskontaw is-sentenza jintegraw aħjar fis-soċjetà.
Hawnhekk Dr Abela sostna li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-politika rijabilitattiva, fosthom dik li tara li jiġu żviluppati iżjed half-way-houses għal dawk li jkunu qegħdin jiskontaw l-aħħar parti mis-sentenza ta’ priġunerija biex jingħataw l-għodda neċessarja li tippreparahom jerġgħu jgħixu fis-soċjetà, waqt li qed ikompli jsir investiment ukoll fl-għaqdiet volontarji li jaħdmu direttament f’dan is-settur.
F’diskussjoni li kellu mal-ħdax-il persuna li bħalissa qegħdin isegwu dan il-programm, il-Prim Ministru rrefera għal riforma oħra li l-Gvern se jkun qiegħed ipoġġi għad-diskussjoni fil-jiem li ġejjin kif imwiegħed fil-programm elettorali, dwar il-possibilità li persuni li jkollhom il-kondotta tagħhom imċappsa jingħataw l-opportunità li ma jibqgħux iġorru t-tikketta tal-kondotta għal għomorhom. Dan xhieda ta’ Gvern li b’riformi kuraġġużi qiegħed ikompli jindirizza realtajiet speċifiċi.
Tnejn minn dawk li qegħdin isegwu dan il-programm tkellmu dwar kif qed iħossuhom.
Id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt fisser kif l-investiment tal-Gvern id f’id mal-impenn ta’ Caritas qiegħed iwassal biex persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs u kellhom dipendenza fuq id-droga jerġgħu jsiru membri sħaħ fis-soċjetà tagħna u jagħtu lura kontribut siewi.
Temm b’ringrazzjament lill-Prim Ministru għal din iż-żjara li fissirha bħala messaġġ ċar tad-dinjità ta’ dawn il-persuni.
F’din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.