Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkonferma l-firda li għandu fost id-deputati tiegħu dwar l-għażla tal-President ta’ Malta.
Deputati Nazzjonalisti huma urtati minħabba l-logħob tal-Kap fuq l-għażla tal-President, tant li issa Grech kellu jżid mal-ismijiet li semma fil-bidu u jgħid li hemm oħrajn.
Wara li fl-aħħar ġimgħat ġew żvelati l-ismijiet li Bernard Grech irid għal President u li dwarhom membri fil-Grupp Parlamentari tiegħu qajmu ġlied sħiħ u ħassew li l-Kap ma tahomx ċans imqar jiddiskutu u qabad u ressqilhom deċiżjoni lesta.
Fil-fatt issa, mat-Times, Bernard Grech innifsu kien kostrett jgħid li jista’ jkun hemm ismijiet oħrajn.
Oriġinarjament Grech kien ressaq l-ismijiet tal-eks Ministru Nazzjonalista Dolores Cristina, Marica Mizzi, li żewġha jaħdem fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, u l-Maġistrat Joe Mifsud.
Dwar dan kollu, id-deputati ta’ Bernard Grech huma mifrudin.
Hemm il-forzi konservattivi bl-appoġġ tal-establishment li huma kuntenti li Grech kien tefa’ tliet ismijiet, li tnejn minnhom żgur huma meqjusin konservattivi, filwaqt li deputati oħrajn spiċċaw jiddieħqu bi Grech minħabba l-ismijiet li mbotta.
Dwar dan kien anke kiteb l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon fejn saħaq li l-għażla tal-Kap tal-Istat Malti mhix xi logħba kif irriduċiha bil-mod tiegħu Bernard Grech.
Kien qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jilgħab logħba perikoluża u dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet, għax timmina l-Presidenza.
Il-Perit Falzon kien innota wkoll il-qasma fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, kif issa wkoll ikkonfermaha Bernard Grech mat-Times, għax id-deputati tiegħu ordnawlu jġib ismijiet oħrajn.