Fl-2023 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra numru rekord ta’ passiġġiera hekk kif b’kollox għaddew aktar minn seba’ miljun u tmien mitt miljun passiġġier.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Malti u kienet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, fejn intqal li dan in-numru rekord ta’ passiġġiera huwa żieda ta’ 6.7% meta mqabbel mas-sena 2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija u s-sena meqjusa rekord għas-settur turistiku Malti.
L-aktar xhur bieżla għall-ajruport Malti kienu fix-xhur sajfin, fosthom Awwissu, Lulju u Settembru, fejn għaddew aktar minn 800,000 passiġġiera.
L-aktar swieq popolari kienu l-Italja u r-Renju Unit, bil-passiġġieri kienu jaqbżu aktar minn miljun. Warajhom kien hemm il-Ġermanja, Franza u l-Polonja, b’dawn jgħoddu għal 64% tal-passiġġiera li għaddew mill-mitjar Malti.
46% tal-passiġġiera marru permezz tar-Ryanair, waqt li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kellha kwart tal-passiġġiera li għaddew mill-mitjar Malti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg spjega li l-iskeda tas-sajf se tkun waħda b’saħħitha, anki b’żieda fir-rotot u anki fid-destinazzjoni li se jgħaqqdu aktar lil pajjiżna ma’ postijiet ġodda.
Huwa sostna wkoll li din is-sena l-ġdida mistennija tkun akbar minn dik li għaddiet, hekk kif mistennija li għall-ewwel darba jgħaddu mill-ajruport Malti aktar minn tmien miljun passiġġiera u aqwa minn dak irreġistrat is-sena l-oħra.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Leslie Vella qal li n-numru ta’ turisti li ġew pajjiżna s-sena l-oħra jirrifletti wkoll ir-rekord ta’ passiġġiera li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malti.
Huwa sostna li għalkemm għadha ma ħariġitx l-istastika uffiċjali qed ikun mistenni li s-sena l-oħra ġew aktar minn 2.9 miljun turist f’pajjiżna.