Fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Noel Azzopardi, li jinsab mixli bl-ewwel omiċidju ta’ din is-sena, dak ta’ Eric Borg, xehdu t-tfajla u l-familjari tal-vittma.
Fis-seduta xehed l-Ispettur Wayne Camilleri, li mar fuq il-post dakinhar tal-omiċidju, fejn sab il-katavru fuq bankina, wiċċu ‘l isfel b’feriti minn tiri f’dahru u ġenbejh fin-naħa tal-lemin ta’ ġismu.
Intqal li l-identità ġiet ikkonfermata minn dokumenti uffiċjali.
Camilleri qal li xhieda fuq il-post qalu li raw lill-akkużat ħiereġ mill-karozza, resaq lejn il-vittma u tah żewġ tiri minn distanza viċin ħafna.
Intqal li l-Pulizija bdiet tinvestiga u oħt il-vittma qalet lill-Pulizija li ftit ġranet qabel, Eric kien qallha li l-akkużat saq warajh biex jintimidah u ntqal li Noel Azzopardi għandu għalqa fil-Buskett viċin tagħhom.
Fix-xhieda l-Ispettur Camilleri xehed li meta l-akkużat mar jagħti ruħu b’idejh lill-Pulizija kien għadu bl-istess ħwejjeġ u nnota traċċi tad-demm fuq ix-shorts tiegħu.
Spjega li dakinhar, l-akkużat kien mar l-għalqa minn filgħodu sa waranofsinhar u qal li ma kienx jaf li l-vittma jismu Eric Borg, imma kien jafu bħala bniedem li kellu għalqa qrib tiegħu.
Hawnhekk intqal li kien ra lil Eric u qallu biex jindaħalx fl-affarijiet ta’ ħaddieħor, mingħajr ma qal x’kien qal hu. Xehed li l-akkużat allegatament saq wara l-vittma, sakemm ipparkja u tah żewġ tiri.
L-Ispettur Camilleri qal li l-akkużat qallhom li l-ewwel sparalu f’dahru u xħin kien fl-art ħaseb li se jqum u tah tir ieħor biex ma jqumx. Mal-Pulizija, Noel Azzopardi qal li ra dalma b’dak li kien qallu ftit qabel il-vittma.
Fil-Qorti, oħt il-vittma, Elaine Micallef spjegat li waqt li kienu ikla tal-familja fin-Naxxar, f’ħin minnhom xi ħadd ċempel lill-ommha li kien ġara xi ħaġa fit-triq tagħhom. Meta marru d-dar kellmuhom il-Pulizija u meta staqsewhom min għamel dan, qalulhom li kien hemm persuna li kien idejjaq lil missierha u lil ħuha u kien qed jagħtihom fastidju u kien ilu jiġri warajhom għal madwar sentejn, iżda ma kienux jafu r-raġuni għal dan.
Xehed ukoll missier il-vittma, Nicholas Borg, li qal li għalihom l-għalqa hija żvoġ. Qal li dakinhar tal-ewwel tas-sena, Eric ma marx jiekol magħhom, minħabba li mar mal-għarusa tiegħu.
Intqal li qarib tagħhom ċempillu u qallu li kien hemm sparatura fit-triq tagħhom. Missier il-vittma mbikkem xehed li x’ħin wasal, ra lill-ibnu mal-art, u li kien hemm il-Pulizija u ħafna nies.
Fil-Qorti xehdet ukoll l-għarusa tal-vittma, Julia Falzon, fejn qalet li dakinhar Eric mar jiekol id-dar tagħha u wara li telaq kien bagħtilha li sejjer l-għalqa jittma lill-annimali.
Qalet li l-aħħar messaġġ li bagħtilha kien fit-tlieta u sbatax-il minuta ta’ waranofsinhar u staqsieha x’se jagħmlu filgħaxija. Falzon qalet li mbagħad semgħet is-sireni, bagħtitlu jekk ġarax xi ħaġa u ma bagħtilha xejn aktar.
Qalet li rċiviet messaġġ b’artiklu mill-midja u marret minnufih fuq il-post, fejn rat ħafna nies u ma riditx tħares. Hija qalet li sa dakinhar tal-omiċidju, l-isem Noel Azzopardi ma kien ifisser xejn għaliha.
Fil-Qorti, id-Difiża talbet li jiġu esebiti malajt id-dokumenti mediċi kemm mill-Isptar Mater Dei u anki mill-Isptar Monte Karmeli. Il-Prosekuzzjoni qalet li dawn jinsabu f’idejn l-espert forensiku u se jinġiebu mal-ewwel hekk kif jitlesta r-rapport tiegħu.