Serbja 21-4 Malta
(5-0) (6-1) (5-1) (5-2)
It-team nazzjonali malti tal-Waterpolo temm l-impenji tiegħu mill-fażi tal-gruppi tal-Kampjonat tal-Ewropa, b’telfa ta’ 21-4 kontra t-team b’saħħtu tas-Serbja. Kif kien mistenni kienet logħba diffiċli għat-team żagħżugħ tagħna.
Logħba li fiha l-kowċ nazzjonali Milan Cirovic kellu problema ta’ formazzjoni hekk niżel għal din il-logħba bi ħdax-il plejer minn massimu ta’ tlettax. Dan minħabba li apparti n-nuqqas ta’ Mark Castillo, wara li tkeċċa fil-logħba kontra Iżrael, kien hemm nieqsa wkoll Sam Gialanze, Liam Galea u Nicholas Bugelli, peress li jinsabu ma jifilħux.
L-ewwel sessjoni fil-logħba tal-lum kienet bla storja bis-serbi jirbħu bi skor ta’ 5-0. L-istorja baqgħet ma nbidlitx fit-tieni sessjoni, bl-avversarji jirbħu 6-1. L-uniku goal malti wasal minn Jayden Cutajar.
Il-maltin ikkontrollaw aħjar il-qawwa avversarja fit-tielet sessjoni għalkemm is-serbi rebħu bi skor ta’ 5-1. Il-goal malti wasal minn Jake Muscat Melito.
L-aħħar sessjoni intemmet 5-2 favur is-Sebja bil-goals ta’ Malta jaslu minn Nikolai Żammit u Jake Cachia.
Intant f’logħba oħra minn Ċ, il-Ġermanja għelbu lil Iżrael bl-iskor ta’ 14 bi 8. B’hekk Malta temmet il-fażi tal-gruppi fit-tielet post wara s-Serbja u l-Ġermanja biex issa l-attenzjoni ddur lejn il-play offs għall-klassifikazzjoni finali.
Il-logħba li jmiss għat-team malti se tkun nhar il-Ħamis fit-8.15 ta’ filgħaxija kontra s-Slovenja għall-klassifikazzjoni bejn it-13 u s-16 -il post. Rebħa fil-logħba ta’ nhar il-Ħamis tagħti ċans lil Malta biex imbgħad tilgħab għat-13 jew l-14 -il post.
Formazzjoni (Malta):
Jake Tanti (captain), Gianni Farrugia, Jake Cachia (1), Jake Bonavia, Jake Muscat Melito (1), Jayden Cutajar (1), Jeremy Abela, Nikolai Zammit (1), Darren Zammit, Matthias Azzopardi, Benjamin Busuttil.
Il-logħob ta’ Malta fi Grupp Ċ:
Ġermanja 18-13 Malta (Riżultat Finali)
Malta 13-11 Iżrael (Riżultat Finali)
Serbja 21-4 Malta (Riżultat Finali)
Klassifika Finali (Grupp Ċ)
Serbja 9
Ġermanja 6
Malta 3
Iżrael 0