L-aġir irresponsabbli minn Oppożizzjoni Nazzjonalista mingħajr direzzjoni għandu skop wieħed, dak li tfixkel. Hekk sejjaħ l-aġir qarrieqi tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Justin Schembri, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni b’reazzjoni għal stqarrija maħruġa aktar qabel minnu.
Il-Ministeru ċċara li l-Kelliem Nazzjonalista kkwota biss nofs risposti li ngħataw f’mistoqsijiet parlamentari u żied jgħid li għan-numru ta’ edukaturi li ħallew is-settur, ġew ingaġġati oħrajn minflokhom kollha. Dan għajr għal wieħed, li mistenni jiġi ngaġġat fil-ġranet li ġejjin, kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jtenni li, kif intqal sa mill-bidu tan-negozjati għal ftehim settorjali ġdid għall-edukaturi, il-Gvern ressaq ’il quddiem żidiet sostanzjali għall-edukaturi li se jwasslu biex l-edukaturi jkollhom pakkett finanzjarju xieraq, sostenibbli u b’titjib fil-kundizzjonijiet tal-professjoni tagħhom.