L-Ewropa qed tesperjenza mewġa ta’ mard respiratorju u ħafna sistemi tas-saħħa f’għadd ta’ pajjiżi qed jiġġieldu bl-ikrah biex ilaħħqu mal-każi ta’ influwenza, COVID-19 u mard respiratorju ieħor.
Rapport fil-Financial Times tat-Tlieta qal kif Spanja u l-Italja huma fost il-pajjiżi li huma l-aktar milqutin, hekk kif l-isptarijiet tagħhom qed jipprovaw ikampaw biex ilaħħqu mal-influss ta’ pazjenti.
Minbarra hekk, f’ċerti reġjuni tagħhom ukoll reġa’ ġie ntrodott l-ilbies mandatorju tal-maskri.
Fi Spanja, żmien il-festi li għaddew wasslu għal żieda ta’ ħamsa u sebgħin fil-mija fil-każi ta’ influwenza fl-aħħar ġimgħa tas-sena u hemm żieda fir-rapporti ta’ mard aktar serju fil-pulmun, bħall-pneumonia.
Fl-Italja, fl-aħħar ġimagħtejn tal-elfejn u tlieta u għoxrin, ġew irrapportati maż-żewġ miljun każ ta’ influwenza, COVID u mard respiratorju ieħor.
Dan wassal biex ħafna sptarijiet, b’mod partikolari fil-kapitali Ruma, mhux jifdlilhom spazju ta’ sodod għall-pazjenti u saħansitra qed jipposponu eluf ta’ operazzjonijiet li mhumiex urġenti.
Iż-żieda fil-każi ġiet irreġistrata wkoll fil-Ġermanja, fejn l-awtorità lokali tas-saħħa pubblika qalet li l-mewġa tal-influwenza uffiċjalment bdiet fil-11 ta’ Diċembru, filwaqt li, fi Franza, għaxar reġjuni minn tmintax jinsabu f’fażi ta’ epidemija.
Fir-Renju Unit ukoll ġiet irreġistrata żieda fl-każi ta’ influwenza u rata għolja ta’ persuni kellhom jiddaħħlu l-isptar. Uffiċjali Britanniċi wkoll wissew li l-kbir għadu ġej.
Anke t-tfal qed jimirdu b’mard respiratorju, tant li madwar l-Ewropa qed tkun irreġistrata żieda fin-numru ta’ tfal ta’ taħt is-sena li qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar minħabba bronkite.
Ix-xahar li għadda, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard wissa li l-infezzjonijiet respiratorji din ix-xitwa se jkunu aktar qliel, minħabba l-fatt li ħafna persuni jkollhom livell baxx ta’ immunità, inkluż għax wara snin ta’ miżuri restrittivi u preventivi minħabba l-COVID, dan il-mard kien naqas sew.
Dan l-istazzjon tkellem mal-ispeċjalista fil-mard respiratorju, il-Professur Stephen Montefort, dwar dak li qed tesperjenza d-dinja bħalissa.
“Qed jaħsbu mad-dinja kollha li l-iktar tliet viruses li qed jaffettwaw huma l-influwenza, li din is-sena tidher iktar qawwija mis-soltu, il-varjanti tal-COVID, bħalissa hemm wieħed jismu JN.1, u anke l-RSV li hu virus li jolqot l-aktar lit-tfal iż-żgħar ta’ inqas minn sena.”
Malta hi parti mid-dinja u anke pajjiżna hu milqut minn dan il-mard.
“F’Malta, bħall-kumplament tad-dinja, nidhru li aħna milqutin. S’issa ma nidhrux li milqutin daqs postijiet bħall-Italja jew Spanja, imma għandna problemi, kemm fil-komunità u f’min hu anzjan, jew għandu problemi oħrajn ta’ saħħa, ovvjament dawn in-nies qed jispiċċaw l-isptar.”
Il-Professur Montefort appella għall-attenzjoni fejn jidħol il-mard respiratorju, speċjalment fejn jidħlu anzjani jew persuni vulnerabbli, li jekk juru ċerti sintomi, ifittxu pariri mediċi.
“Jekk inti bniedem b’saħħtek u m’għandekx problemi, sakemm tagħmel jumejn jew tlieta bid-deni u uġigħ u ftit sogħla, m’għandekx għalfejn tmur għand tabib, biss jekk l-affarijiet jippersistu, pereżempju, jibqa’ d-deni jew sintomi ġodda, jew qed taqta’ nifsek jew tara bili kkuluriti, jew jekk inti għandek xi mard ieħor bħaz-zokkor jew qalb jew għandek tfal żgħar ħafna, trid tmur għand it-tabib.”
Hu appella biex min għadu ma tlaqqamx, jieħu l-vaċċin kontra l-influwenza, filwaqt li fakkar ukoll kif dawk vulnerabbli għandhom jitlaqqmu kontra l-Coronavirus.
“F’postijiet li hemm affarijiet tas-saħħa, bħal sptarijiet, għandna nilbsu l-maskri, u għandhom jintlibsu wkoll min-nies li għandhom sintomi – pereżempju qed jisogħlu ħafna, apparti li ma jmorrux ix-xogħol jew jinġabru f’postijiet fejn hemm ħafna nies. Importanti wkoll li jekk inti bniedem vulnerabbli toqgħod attent għal dawn l-affarijiet, tixrob affarijiet sħan, tieħu l-vitamini, iżżomm well-hydrated, ma tiksaħx, affarijiet ovvji.”