Fi programm ta’ diskussjoni fuq ix-xandir nazzjonali, li fih ħadu sehem erba’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kien hemm diskussjonijiet fuq diversi temi. Minn temi soċjali u li jolqtu lin-nies għal dawk dwar il-partiti politiċi.
L-eks Viċi Kap Nazzjonalista u llum kandidat għall-elezzjoni ta’ Ġunju f’isem il-PN, id-Deputat David Agius, kien mistoqsi dwar il-Partit Nazzjonalista.
“Sejrin lejn il-bnazzi. Naħseb li l-Labour sejjer lejn il-maltemp.”
Skontu n-Nazzjonalisti ħerġin jivvotaw bis-saħħa.
“Però iva n-Nazzjonalisti hemm feeling tajjeb li ħerġin jivvotaw.”
Lil hinn mill-partiġġjaniżmu, il-kandidat ġdid Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Clint Azzopardi Flores tkellem dwar l-importanza tal-għajnuna tal-Gvern li żammet stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji.
Qal li, minkejja messaġġi oħrajn, fosthom ġejjin mill-Oppożizzjoni, Malta jrid ikollha deputati fil-Parlament Ewropew li jħarsu l-politika tal-Gvern ta’ investiment fin-nies u mhux jimbottaw l-awsterità.
“Meta l-Ewropa qed tgħidilna nneħħu s-sussidji fuq id-dawl u l-ilma, aħna, jien l-ewwel dik ha nirribattiha bis-saħħa kollha, għax dik ġabet l-istabbiltà ekonomika u politika.”
Fil-programm tkellmet ukoll il-kandidata Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis, li dwar tema minnhom qalet li Bernard Grech għandu s-soluzzjoni billi jagħmel konferenza.
“Ejja nagħmlu konferenza nazzjonali.”
Min-naħa tagħha, Marija Sara Vella Gafà, kandidata ġdida oħra tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, saħqet fuq il-ħtieġa li fl-istituzzjoni Ewropea jiġu eletti rappreżentanti Maltin li jħarsu l-interess nazzjonali.
“Iridu jaraw fina, dawk li qed nikkandidaw ruħna għall-Parlament Ewropew, nies li aħna lesti nisimgħu, nies li aħna nwasslu l-leħen pajjiżna fl-Ewropa l-ewwel u qabel kollox u nies li fl-aħħar mill-aħħar, meta aħna nħarsu lejn il-pajjiż, jafu li they can rely on us.”
Tul il-programm spikkaw ukoll l-interruzzjonijiet tal-kandidati Nazzjonalisti, b’David Agius spiċċa anke mċanfar mill-preżentatur.
“Skużi David, verament skużi, ma jistax ikun nagħmlu programm hekk. Qisna tat-tfal trid tgħid l-aħħar kelma inti.”