Studju, li sar minn tliet ekonomisti ewlenin tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Aaron Grech, Ian Borg u Valentina Antonaroli, jindika li, bit-titjib li sar fl-aħħar Baġit, il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja għandu jiżgura li l-poter tal-akkwist tal-familji rtirati u dawk bi dħul baxx ikun protett aħjar kontra l-inflazzjoni.
Fil-fatt isostnu li, fl-2024, kemm il-pensjonanti kif ukoll dawk fuq il-paga minima se jkunu ferm aħjar milli kien fl-2021, qabel pajjiżna beda jkollu rata ta’ inflazzjoni għolja minħabba żidiet fil-prezzijiet internazzjonali.
Minbarra l-fatt li l-COLA, għall-2024 se tkun l-ogħla fl-istorja, din se tingħata f’sena li fiha l-inflazzjoni għandha tonqos b’mod konsiderevoli.
Skont l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali bejn l-2013 u l-2023, dawk fuq il-pensjoni massima raw titjib fil-benefiċċji tagħhom ta’ 27.6%, filwaqt li dawk fuq il-pensjoni minima kellhom titjib ta’ 50.3%.
Qabel iż-żieda fl-inflazzjoni fl-2022, jidher li dawn iż-żidiet kienu ferm aktar miż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-pensjonanti. Imma wara kien hemm ftit tnaqqis fil-poter tal-akkwist għall-pensjonanti fuq il-pensjoni massima.
Meta kkunsidraw il-bidliet imħabbrin fil-Baġit li għadda, l-ekonomisti qalu li dawk fuq il-Pensjoni Minima se jkunu 5% aħjar f’termini ta’ poter tal-akkwist milli kienu fl-2021, filwaqt li dawk fuq il-Pensjoni Massima se jkunu qrib punt perċentwali aħjar.
L-istudju jħares ukoll lejn kif l-inflazzjoni laqtet lil dawk fuq il-Paga Minima. Familji mingħajr tfal raw żieda ta’ 15.4% fid-dħul bejn l-2013 u l-2023, filwaqt li dawk bit-tfal raw żieda ta’ 46.1%. Dan kien dovut għall-fatt li dawk bi tfal gawdew ukoll minn żieda fiċ-Children’s Allowance u mill-introduzzjoni tal-In-Work Benefit.
Għalkemm, sal-2021, dawn iż-żidiet kienu aktar minn biżżejjed biex jikkumpensaw għall-inflazzjoni, il-Baġit 2024 issa qed jinkludi tliet miżuri li l-impatt tagħhom kien b’saħħtu ħafna.
L-analiżi tal-Bank Ċentrali jikkonkludi li, filwaqt li fil-passat dawk bi dħul baxx jew pensjonanti seta’ kien hemm perjodu fejn iż-żieda tal-COLA ma kinitx tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja li realment jiffaċċjaw, bid-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali dan issa hu inqas probabbli.
Sostnew li, meta jkun hemm perjodi ta’ inflazzjoni minħabba li l-COLA tinħadem fuq kalkoli ta’ sena qabel, il-Gvern jagħmel sew li jagħti żidiet ogħla mill-COLA.
Dwar dan irreaġixxa wkoll il-Ministru Michael Falzon, li hu responsabbli mill-miżuri soċjali tal-Gvern.
“Jekk xejn għandna l-konferma, għall-inqas, li dak li għamilna u dak li qegħdin nagħmlu fil-verità qiegħed iħalli l-effett tant mixtieq. U l-effett tant mixtieq hu li l-purchasing power u s-saħħa finanzjarja tal-familji tagħna dejjem jitjieb.”
Sadanittant, il-Ministru Falzon sostna kif il-Gvern qed jimmira li jgħin aktar persuni bil-miżuri soċjali tiegħu u għalhekk fl-aħħar Baġit wessa’ l-eliġibbiltà għall-Mekkaniżmu Addizzjonali tal-Għoli tal-Ħajja.
B’hekk qed jintlaqtu aktar persuni u li saħanstira għandhom dħul raġjonevoli.
“Qed nolqtu mhux dik il-faxxa biss u dan hu sinifikattiv f’din il-miżura. Li qed nolqtu wkoll il-faxxa tan-nofs. Qed nolqtu wkoll persuni li għandhom income raġjonevoli, għax it-thresholds biex jikkwalifikaw in-nies għalih ġew mgħollijin ħafna u hemmhekk qed ngħinu, allura, iva lil dawk l-aktar fil-bżonn, imma rridu ngħinu wkoll anke lill-faxxa tan-nofs tas-soċjetà tagħna u lil ta’ fuq ninċentivawhom jinvestu aktar.”