L-akkużat mixli bil-qtil doppju fil-Marsa lura fil-15 ta’ Ottubru li għadda, ma riedx jikkopera mal-Pulizija dakinhar li seħħ l-allegat każ.
Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Iddrisu Faisal li huwa mixli bil-qtil doppju ta’ Joseph Bartolo u Carmen Abela f’razzett fil-Marsa.
Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Elisia Scicluna fix-xhieda tagħha spjegat li dakinhar tal-każ, il-vittmi kienu fid-daħla tal-post u mal-art kien hemm ħafna demm.
Spjegat ukoll li l-akkużat, meta ttieħed id-Depot, ma bediex jikkopera mal-Pulizija u lanqas meta mar jassistih l-Avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat.
Intant, l-imputat fis-seduta kellu jinħareġ barra mill-awla hekk kif beda jilmenta li ma kellux l-avukat preżenti. Madankollu l-Maġistrat Gabriella Vella sostniet li l-avukat kien jaf bis-seduta u kienet biss responsabiltà tiegħu li dan jattendi għaliha.