Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, jista’ jkun itemm il-kariga tiegħu qabel jispiċċa t-terminu lejn l-aħħar tas-sena, hekk kif wera l-intenzjoni li jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’pajjiżu, il-Belġju, f’Ġunju li ġej.
Dan se jfisser li Michel, li hu wkoll eks Prim Ministru ta’ pajjiżu, se jkun l-ewwel President tal-Kunsill Ewropew fil-kariga li ddeċieda li jikkontesta għall-elezzjonijiet Ewropej. It-terminu tiegħu kien se jintemm fl-aħħar ta’ Novembru li ġej.
Michel qal, f’intervista mal-midja Belġjana, li jekk ikun elett bħala Membru Parlamentari Ewropew, hu jirriżenja qabel nofs Lulju.
Dan hekk kif fis-16 ta’ Lulju jieħdu l-ġurament tal-ħatra l-Membri Parlamentari Ewropej li jiġu eletti fl-elezzjonijiet madwar il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fil-bidu ta’ Ġunju li ġej.
Fost dawn il-pajjiżi, hemm ukoll Malta, fejn l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se ssir is-Sibt 8 ta’ Ġunju li ġej.
Dan l-iżvilupp se jfisser li, jekk il-mexxejja Ewropej ma jsibux suċċessur fiż-żmien li ġej, il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban jieħu f’idejh temporanjament din il-kariga. Dan hekk kif l-Ungerija se jkollha f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs ta’ din is-sena.
Hu mifhum li d-deċiżjoni dwar is-suċċessur ta’ Charles Michel se tibda tkun diskussa fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li se jsir fi Frar li ġej, fis-summit tal-mexxejja f’Marzu u l-aħħar ċans ikun fis-summit tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju li ġej.
Orban hu politikant kontroversjali ferm fl-Unjoni Ewropea minħabba t-tmexxija f’pajjiżu, waqt li fl-aħħar xhur kemm-il darba ħareġ kontra li l-Unjoni tagħti appoġġ lill-Ukrajna.
Fl-aħħar summit tal-mexxejja Ewropej, ma kienx qabel dwar il-pakkett ta’ fondi ta’ €50 biljun biex jingħataw lill-Ukrajna għall-erba’ snin li ġejjin.
F’Ottubru li għadda, il-Prim Ministru Ungeriż iltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin, wieħed miż-żewġ mexxejja biss Ewropej li ltaqgħu miegħu minn kemm ilha li bdiet il-Gwerra fl-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Id-deċiżjoni ta’ Charles Michel tfisser li issa żdiedet il-pressjoni fuq il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, biex tiżvela l-intenzjonijiet tagħha dwar il-futur. Dan hekk kif hi mistennija li tpoġġi lilha nnifisha ’l quddiem għat-tieni terminu f’dan ir-rwol.