Malta 13-11 Iżrael
(2-5) (3-3) (3-2) (5-1)
It-team nazzjonali malti tal-Waterpolo kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-Kampjonat tal-Ewropa, li qed isir il-Kroazja, meta fit-tieni logħba tiegħu mir-round preliminari Grupp Ċ għeleb lil Iżrael bi skor ta’ 13-11. Kienet rebħa drammatika li waslet fl-aħħar parti tal-logħba. Rebħa storika hekk kif kienet l-ewwel darba li Malta rebħet logħba fil-fażi tal-gruppi minn kemm ilha tieħu sehem fil-Kampjonat tal-Ewropa.
It-team malti, immexxi minn Milan Cirovic, beda ħażin ħafna l-logħba tal-lum, biss tjieb fit-tieni parti tagħha. L-aħħar sessjoni kienet waħda mimlija emozzjonijiet li rat lill-plejers tagħna jeqilbu r-riżultat favur tagħhom.
Kienet rebħa importanti għal Malta hekk kif se nevitaw l-aħħar post fil-grupp. Dan ifisser pożizzjoni aħjar fil-fażi tal-play offs għall-klassifikazzjoni finali. Il-mira hi li nirrepetu jew intejjbu l-14-il post miksub sentejn fl-istess Kampjonati Ewropej.
Bidu ħażin għat-team malti hekk kif tilef l-ewwel sessjoni bi skor ta’ 5-2. Sessjoni li rat lit-team malti nieqes mid-determinazzjoni li beda biha fl-ewwel logħba kontra l-Ġermanja. Sam Gialanze fetaħ l-iskor wara biss 30 sekonda, iżda l-avversarji dawru r-riżultat favur tagħhom bi tliet goals konsekuttivi. Penalty ta’ Jayden Cutajar naqqas id-distakk, iżda l-iżraeljani skurjaw żewġ goals oħra biex għalqu s-sessjoni favur tagħhom.
Il-problemi komplew mal-ftuħ tat-tieni sessjoni hekk kif tkeċċa l-plejer malti Mark Castillo għal brutalita’. Hawnhekk l-avversarji ingħataw penalty li ġie skurjat minn Gros Ronen. Kawża tal-foul ta’ Castillo, il-maltin kellhom jilgħabu għal erba’minuti bi plejer anqas. F’dawn l-erba’ minuti l-maltin żammew iebes, anzi saħansitra rnexxielhom jirbħu penalty li ġie skurjat minn Sam Gialanze. Biss l-avversarji irrispondew mill-ewwel b’goal ta’ Yoav Rendler għal skor ta’ 7-3. Lejn l-aħħar parti tat-tieni sessjoni il-maltin skurjaw żewġ goals oħra. Goals li waslu minn Jayden Cutajar u penalty ta’ Sam Gialanze, għal skor totali ta’ 7-5. Biss kienu l-avversarji li għalqu s-sesjoni b’goal ieħor, biex id-distakk reġa’ tela’ għal tliet goals.
It-team malti kien ħafna aħjar fit-tielet sessjoni, sessjoni li rebaħ bi skor ta’ 3-2. Nikolai Żammit fetaħ l-iskor kmieni fis-sessjoni, biss l-avversarji irrispondew mill-ewwel permezz ta’ Gros Ronen. Il-maltin żiedu l-offensiva u skurjaw żewġ goals oħra, ripettivament minn Jake Muscat Melito u Sam Gialnaze. Biss fl-aħħar ftit sekondi tas-sessjoni, l-iżrealjani irnexxielhom jiskurjaw goal ieħor biex il-logħba marret għar-raba’ sessjoni, bl-Iżrael 10-8 minn fuq.
L-aħħar sessjoni fetħet bil-maltin fuq l-offensiva, tant li Jake Muscat Melito skorja goal ieħor u naqqas id-distakk għal goal wieħed biss. Iżrael irrispondew permezz ta’ Koter Dor, iżda Jeremy Abela niżżel ismu fost l-iskorers maltin biex reġa’ naqqas id-distakk għal goal wieħed. Ftit wara Iżrael fallew ċans li jżiedu l-iskor hekk kif penalty tagħhom ħabat mal-lasta. Hawnhekk ħarġet id-determinazzjoni tal-plejers tagħna tant li rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs permezz ta’ Nikolai Żammit. Daqqa ta’ ħarta għal Iżrael meta tkeċċielhom il-plejer Tal Fotin għal brutalita’. Il-maltin għarfu japprofittaw, b’Jake Muscat Melito jiskorja l-goal li poġġa lil Malta fil-vantaġġ. Ftit sekondi wara Jayden Cutajar skorja goal ieħor għal skor finali ta’ 13-11 favur Malta.
L-aħħar logħba minn Grupp Ċ għat-team malti tkun nhar it-Tlieta kontra t-team b’saħħtu tas-Serbja.
Formazzjoni (Malta):
Jake Tanti (captain), Gianni Farrugia, Liam Galea, Mark Castillo, Sam Gialanze (4), Jake Bonavia, Jake Muscat Melito (3), Jayden Cutajar (3), Jeremy Abela (1), Nikolai Zammit (2), Darren Zammit, Matthias Azzopardi, Benjamin Busuttil.
Il-logħob ta’ Malta fil-Kampjonat tal-Ewropa:
Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar
Ġermanja 18-13 Malta (Riżultat Finali)
Il-Ħadd 7 ta’ Jannar
Malta 13-11 Iżrael (Riżultat Finali)
It-Tlieta 9 ta’ Jannar
Serbja vs Malta (7.00pm)
Il-kowċ nazzjonali Milan Cirovic
Il-goalkeeper u captain malti Jake Tanti li kellu logħba mill-aqwa kontra Iżrael