F’partita entużjażmanti, Birkirkara għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima. Kienet wirja pożittiva għall-Istripes immexxija mill-coach Brian Chetcuti, fejn madankollu wieħed ta’ min ifaħħar il-wirja ta’ Sirens li offrew oppożizzjoni denja lill-Istripes tul id-90 minuta.
Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fid-disa’ minuta meta Kurt Zammit għadda pass preċiż lejn Maxuell Maia li kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angulata jintemm ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-23 minuta Andrei Ciolacu indirizza cross lejn l- Maxuall Maia li kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin jintemm barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Istripes u 10 minuti wara, Andrei Ciolacu xeħet cross fil-baxx għan-nofs lejn Alex Satariano li ħalla l-ballun għal Maxuell Maia li kellu x-xutt tiegħu fil-baxx tiegħu jiġi salvat b’saqajh minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar.
Sirens wieġbu għall-ewwel darba fis-36 minata meta Degran Jackson indirizza cross lejn Tiago Bettim Almeida li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata mingħajr diffikultá mill-goalkeeper Pollakk ta’ Birkirkara, Marcel Zapytowsky.
Iżda kienu Birkirkara li resqu viċin li jirdoppjaw l-iskor fl-40 minuta meta Maxuell Maia minn pożizzjoni ideali ra lil Andrea Cassar isalva bi bravura, bl-istess attakkant Brażiljan żgur li seta’ jagħmel aħjar billi jattakka l-ispazji.
Ħames minuti wara freekick ta’ Alex Satariano għall-Istripes, ġie ppanċjat f’sigurtá minn Cassar.
Huma komplew jippressaw u fit-62 minuta meritatament irduppjaw l-iskor meta Andrei Ciolacu xeħet cross li sab lil axuell Maia li mill-viċin u b’akrobazija mill-isbaħ tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob, żewġ minuti biss wara, Sirens naqsu l-marġni tal-iskor meta Mohammed Akadom Hafiz approfitta minn nuqqas ta’ ftehim bejn Paul Mbong u Zapytowski u spara l-ballun ġewwa.
Birkirkara tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw it-tielet goal fis-76 minuta meta freekick insidjuż ta’ Andrei Ciolacu stampa mal-mimduda qabel intemm barra.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u minuta biss wara, xutt fil-baxx u angulat ta’ Andrei Ciolacu ġie salvat f’corner minn mal-art minn Cassar.
Sirens irrispondew fid-79 minuta meta xutt ta’ Charles Agyemang ġie salvat f’corner minn Zapytwosky.
Birkirkara għamlu l-impossibli fis-86 minuta meta Paul Mbong xeħet cross lejn Andrei Ciolacu li minn taħt il-lasta, ma kkontrollax il-ballun u tefa’ inkredibbilment barra.
Referee: Daniel Portelli
BOV Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia