Ryan Zammit ta’ 26 sena li jgħix il-Gżira nżamm arrestat wara tressaq il-Qorti mixli bl-involviment tiegħu fl-allegat każ ta’ swat brutali minn grupp ta’ bouncers f’Paceville.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Brian Xuereb flimkien ma’ Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, spjegat li wara l-filmat li xxandar online bdiet investigazzjoni u ġie identifikat anki minn dan l-istess filmat.
Intqal li lbieraħ ħareġ il-mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat u ġie arrestat dalgħodu stess mill-Pulizija.
Dan il-filmat tal-każ imsemmi mill-Prosekuzzjoni, ħareġ fuq il-portal Lovin’ Malta, li allegatament ittieħed fl-aħħar lejl tas-sena l-oħra, juri ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu lill-vittma brutalment, inkluż b’oġġett simili għal-lembuba.
L-Avukat difensur Dr Hermann Mula talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġeżżjonat minħabba l-gravità tal-każ u anki hemm xhieda pajżana, fosthom dawk li ġibdu l-filmati u anki x-xhieda tal-vittma.
L-imputat, li qal li ma jaħdimx u li għandu kondotta nadifa, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fl-aħħar tas-seduta l-akkużat infaqa’ jibki.