Malta, u s-sbuħija li taf toffri, għal darb’oħra ġibdu għajnejn siti internazzjonali li ddeskrivew lil pajjiżna bħala waħda mid-destinazzjonijiet ideali biex issiefer u tqatta’ vaganza fiha fl-2024.
Din id-darba kien imiss lis-sit Amerikan Bloomberg li f’artiklu li ppubblika fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, bit-titlu “Where to Go in 2024”, iddedika sezzjoni apposta fuq Malta.
Malta saħanistra għamlitha ma’ pajjiżi u stati ferm akbar minnha u li ġejjin minn kull kontinent fid-dinja. Fost l-oħrajn issemmew il-Busan fil-Korea t’Isfel, Boston, Las Vegas, Montecito u Aspen fl-Istati Uniti, l-Arġentina, Hong Kong, Halifax fil-Kanada, Bergen fin-Norverġja, Quito f’Ekwador, Transylvania fir-Rumanija, San Sebastian fi Spanja, Belfast fir-Renju Unit, Lima fil-Peru, il-Marokk u l-gżira meraviljuża ta’ Palau.
Is-sit Amerikan qal kif qed iħares lejn l-2024 bħala s-sena li fiha mistenni jintlaħaq l-akbar rekord għall-ivjaġġar. Dan hekk kif kollox jindika li n-nies se jħallu warajjhom il-biża’ tal-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha, l-isfidi ekonomiċi u l-kunflitti ġeopolitiċi.
Fil-fatt l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trasport bl-Ajru qed tikkalkula li matul din is-sena 4.7 biljun persuna se jitilgħu fuq l-ajurplan u se jiġġeneraw mad-964 biljun dollaru fuq biljetti tal-ajru biss.
Kien hawn li Bloomberg irrakkomanda lil dawn il-vjaġġaturi biex fl-2024 jagħżlu lil Malta għal vaganza.
Is-sit semma li f’pajjiżna wieħed jista’ jara b’għajnejh il-postijiet fejn inġibdu l-films Gladiator u Troy u s-serje Game of Thrones u anke fl-istess ħin jitpaxxa bil-ġmiel ta’ storja li għaddiet minnha Malta tul iż-żminijiet u jgawdi l-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin.
Fuq livell ta’ arti, Bloomberg semma l-ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, il-MICAS, u ddeskrivih bħala l-aktar mużew sinifikanti fl-Ewropa. Dan il-proġett seta’ jsir b’investiment mill-Gvern ta’ tlettax-il miljun ewro u se joffri spazji għall-esebizzjonijiet u installazjonijiet artistiċi kontemporanji, kemm Maltin kif ukoll barranin. Ġie nnutat ukoll kif dan joffri wkoll xenarju tal-Port ta’ Marsamxett.
Ma naqax li jagħmel referenza wkoll għal fatt li matul din is-sena, bejn Marzu u Mejju, pajjiżna se jorganizza l-Maltabiennali.art bit-tema baħar abjad imsaġar taż-żebbuġ.
Bloomberg irrakkomanda wkoll lill-vjaġġaturi biex iżuru lil pajjiżna f’Ottubru għan-Notte Bianca, meta l-mużewijiet u siti storiċi jkunu miftuħa b’xejn għal kulħadd.
Dan l-artiklu fejn fih issemiet b’mod pożittiv Malta fuq livell turistiku, jikkumplimenta oħrajn bħal Forbes, The Guardian, Google u s-CNN.