L-2023 kienet mimlija bl-elezzjonijiet madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
F’April fil-Bulgarija saret il-ħames elezzjoni nazzjonali f’sentejn, fejn il-koalizzjoni ta’ Boyko Borissov ġabet l-iżjed voti, bi ftit iżjed minn kwart tal-elettorat. Wara xhur ta’ negozjati biex jiġi fformat Gvern, fil-bidu ta’ Ġunju, kien hemm qbil dwar Gvern ġdid immexxi minn Nikolay Denkov.
Fil-Greċja saret elezzjoni bikrija f’Mejju, fejn il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis ġab kważi 40% tal-voti, iżda kellha ssir elezzjoni oħra bikrija, xahar wara, biex ikun ikkonfermat ir-riżultat tal-elezzjoni. F’din it-tieni elezzjoni, Mitsotakis ġab maġġoranza akbar.
F’Lulju saret l-elezzjoni ġenerali fi Spanja, fejn il-Partit Konservattiv ġab l-akbar ammont ta’ voti, iżda falla milli jifforma Gvern. Wara xhur ta’ negozjati, f’Novembru, il-Prim Ministru Pedro Sanchez irnexxielu jifforma Gvern koalizzjoni u qed imexxi lil dan il-pajjiż għat-tielet leġiżlatura.
Fil-Polonja kien hemm ir-ritorn tal-eks President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż. Dan minkejja li ma ġabx l-akbar ammont ta’ voti f’din l-elezzjoni, iżda l-koalizzjoni mmexxija minn Tusk ġabet il-maġġoranza tal-voti fil-Parlament.
Din kienet ta’ aħbar tajba għall-Unjoni Ewropea, hekk kif Tusk hu pro-Ewropew, mhux bħall-Gvern preċedenti.
Mhux l-istess jista’ jingħad fl-elezzjoni li saret fl-Olanda, fl-aħħar ta’ Novembru li għadda. Dan hekk kif wara għaxar snin ta’ Mark Rutte, li ma reġax ikkontesta, ġab l-akbar għadd ta’ voti Geert Wilders mill-partit tal-lemin estrem li hu kontra l-Unjoni Ewropea.
Bħalissa għaddejjin negozjati biex ikun determinat min se jmexxi l-Gvern fl-Olanda.