Is-sena 2023 kienet sena mill-aqwa għall-films u kif ukoll għaċ-ċinema. Dan hu s-sentiment ta’ ħafna kritiċi rinomati tal-films madwar id-dinja hekk kif l-aħħar sena pprovdiet numru kbir ta’ films b’riżultat li aktar persuni resqu lejn iċ-ċinema.
B’hekk aktar minn qatt qabel kemm l-industrija taċ-ċinema għadha ħajja u popolari, filwaqt li kompliet tirkupra mill-effetti tal-pandemija.
Fil-fatt, il-Box Office tal-Istati Uniti biss irreġistrat dħul ta’ aktar minn disa’ biljun dollaru Amerikan. L-aqwa dħul minn wara l-pandemija tal-COVID-19.
L-istess xejriet ta’ rkupru kienu nnotati fil-Box Office taċ-Ċina u l-Ewropa hekk kif dawn laħħqu kważi tmien biljun dollaru u disa’ biljun dollaru u nofs rispettivament.
Iżda liema kienu l-aktar produzzjonijiet responsabbli għal dan? Liema kienu l-aktar films li ħallew togħma tajba fost dawk li għażlu jżuru s-swali taċ-ċinema fl-aħħar sena.
F’termini ta’ dħul għall-industrija, il-films ‘Barbie’, ‘The Super Mario Bros. Movie’, ‘Spiderman Across the Spider Verse’, ‘Guardians of the Galaxy Volume 3’, ‘Oppenheimer’ u ‘Avatar: The Way of Water’ kienu l-aktar films popolari għall-industrija.
Iżda fost il-kritiċi tal-films l-istorja kienet ferm differenti.
Fil-fatt, il-film tad-Direttur mill-aktar popolari Christopher Nolan, ‘Oppenheimer’ irċieva kritika mill-aktar pożittiva. Il-film juri l-iżviluppi u l-karriera ta’ Robert J. Oppenheimer, magħruf bħala missier il-bomba atomika.
Filwaqt li dan il-film juri dak kollu li wassal biex tiġi ppreparata l-bomba atomika minn Oppenheimer u t-tim tiegħu, biex eventwalment tiġi ttestjata fl-1945 u ftit wara tintuża f’Hiroshima u Nagasaki mill-Amerikani kontra l-Ġappun, Nolan jesponi wkoll id-dubji li kellu l-istess Oppenheimer b’dan l-iżvilupp xjentifiku importanti u x’riperkussjonijiet jista’ jkollu f’dinja moderna.
Popolari wkoll fost il-kritiċi kien ‘Killers of the Flower Moon’ ta’ Martin Scorcese, b’atturi rinomati bħal Leonardo Di Caprio, Robert De Niro u Lily Gladstone.
Din il-produzzjoni, mid-Direttur li pproduċa films ma jmutu qatt bħal ‘Goodfellas’ u ‘Taxi Driver’, turi storja bbażata fuq dak li ġara lura fl-1920 f’Oklahoma fejn numru ta’ membri mit-tribù tal-Osage, inqatlu bl-iskop li tintiret l-art tat-tribù ’l bogħod mill-familji tagħhom u li fiha kien hemm iż-żejt.
‘Maestro’, bi prestazzjoni mill-aqwa ta’ Bradley Cooper, dwar id-direttur tal-mużika rinomat Leonard Bernstein, ‘Past Lives’, ‘Poor Things’ u ‘Anatomy of a Fall’ ukoll ġibdu reazzjonijiet mill-aktar pożittivi.
Ma naqsux ukoll films li s-suċċess tagħhom kien sorpiża.
Jispikka l-aktar wieħed riċenti u li ħareġ fil-Ġappun, ‘Godzilla Minus One’ ta’ Takashi Yamazaki, b’box office globali ta’ kważi $80 miljun dollaru u li anke fl-Istati Uniti sejjer tajjeb. Dan jispikka aktar meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni li l-film sar b’baġit żgħir ta’ €15-il miljun.
Saltburn xprunat ’il quddiem minn atturi ta’ fama bħal Barry Keoghan li jibqa’ mfakkar, fost oħrajn, għal prestazzjoni eċċellenti f’‘Banshees of Inisherin’ ukoll qanqal diversi reazzjonijiet u li qed iqanqlu aktar kurżità dwaru.
Intant, l-2024 wkoll mistennija tkun sena mill-aqwa għall-industrija tal-films b’numru ta’ produzzjonijiet mistennija jolqtu s-swali taċ-ċinema.
Ewlieni fosthom hemm ‘Dune Part 2’ ta’ Denis Villeneuve u ‘Gladiator 2’ ta’ Ridley Scott, li partijiet minnu nġibdu f’pajjiżna. It-tieni film ta’ ‘Joker’ ta’ Joaquin Phoenix u Lady Gaga wkoll mistenni jattira ħafna persuni lejn iċ-ċinema, speċjalment wara s-suċċess tal-ewwel film.