B’referenza għall-artiklu ppubblikat mit-Times of Malta dwar l-għajnuna mill-istat lill-kumpanija Electrogas Malta Ltd, il-Ministeru fi ħdan l-uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-artiklu huwa żbaljat, u fattwalment inkorrett.
L-istqarrija tispjega li l-Gvern mhu se jkun qed jagħti l-ebda flus lil din il-kumpanija, jiġifieri għandu jiġi ċċarat li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpanija se tirċievi xi sussidju la mill-Gvern, u lanqas mill-Enemalta plc. L-uniku ħlas li se jkun qed isir lill-kumpanija Electrogas huwa għall-provvista tal-enerġija u tal-gass.
Il-Ministeru spjega li dak li qed timplika l-gazzetta Times of Malta huwa żbaljat, jiġifieri li l-kumpanija se tkun qed tibbenefika minn vantaġġ ta’ €1.4 biljun. Filfatt, fl-analiżi finanzjarja u ekonomika li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-qliegħ li qed tagħmel il-kumpanija Electrogas Malta ltd huwa l-istess bħal dak ta’ investimenti simili. Dan jeskludi l-possibiltà li jiġu rkuprati investimenti li saru fil-perjodu ta’ sitt snin, kif kien indikat fl-artiklu.