F’lejliet l-ewwel tas-sena ma ġewx irrapportati inċidenti tat-traffiku waqt li matul il-jiem kollha tal-festi, ma seħħ ebda inċident serju tat-traffiku.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Korp tal-Pulizija fl-ewwel jum tas-sena filgħodu hekk kif ġie spjegat li matul il-jiem tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, il-Korp tal-Pulizija saħħaħ il-preżenza tiegħu fit-toroq minn diversi taqsimiet, permezz ta’ kontrolli tat-traffiku.
Fil-fatt, din is-sena l-ispezzjonijiet, li bdew mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, saru kuljum u f’ħinijiet differenti tal-ġurnata madwar Malta u Għawdex kollu, intiżi primarjament biex jiġu evitati kemm jista’ jkun inċidenti serji tat-traffiku.
F’dawn l-ispezzjonijiet instab li l-maġġoranza assoluta tal-vetturi li twaqqfu kienu qegħdin iħarsu r-regolamenti tat-traffiku, u fejn ma kienux, ittieħdet azzjoni immedjata.
Il-vetturi li twaqqfu ġew iċċekkjati l-liċenzji u l-assikurazzjoni tas-sewqan jekk humiex validi jew le; fejn kien hemm suspett raġjonevoli saru testijiet tal-breathalyzer, kif ukoll tfittxijiet fil-vetturi mill-klieb tal-Pulizija.
Sal-lejliet l-ewwel tas-sena, b’kollox saru aktar minn 160 roadchecks fejn fihom twaqqfu madwar 4,500 vettura.
Matulhom, inħarġu aktar minn 600 kontravenzzjoni, fejn in-nuqqasijiet li nstabu kienu jvarjaw minn sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja u/jew liċenzji mhux imwaħħla, użu ta’ mobile waqt is-sewqan, sewqan b’veloċità iktar milli tippermetti l-liġi, sewwieqa mhux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà u anke minħabba li vetturi nstabu bi ħġieġ tinted bi ksur tal-liġi.
Numru ta’ vetturi ġew irmunkati għax is-sewwieq ma ppreżentax liċenzja valida, waqt li nħarġu wkoll kontravenzzjonijiet fuq vetturi Y Plates li ma kellhomx il-permessi relatati, flimkien ma’ verifikazjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza.
L-ispezzjonijiet fit-toroq kienu kkoordinati mill-Korp tal-Pulizija, bl-assistenza ta’ uffiċjali minn Transport Malta. Dan l-eżerċizzju ta’ spezzjonijiet fit-toroq mhux se jieqfu fil-lejl ta’ bejn l-aħħar u l-ewwel tas-sena, iżda se jibqgħu għaddejjin tul is-sena kollha bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed siguri.
Fi stqarrija separata Transport Malta permezz tal-Kap Eżekuttiv tagħha Jonathan Borg esprimiet s-sodisfazzjon tagħha għan-nuqqas ta’ inċidenti rrappurtati.
Borg tenna li l-impatt pożittiv ta’ iniżjattivi bħal miżuri ta’ infurzar u kampanji edukattivi għandhom iservu ta’ tfakkira lill-utenti kollha tat-triq biex iżommu drawwiet ta’ sewqan siguri u responsabbli matul is-sena kollha.