Il-kowċ tat-team nazzjonali tal-Waterpolo Milan Cirovic ħabbar l-iskwadra finali ta’ 15-il plejer li se tkun qed tieħu sehem fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fil-Kroazja bejn l-4 u s-16 ta’ Jannar.
Cirovic wettaq bosta tibdil fl-iskwadra fejn mill-iskwadra proviżorja li ħadet sehem fit-turnament ta’ tliet ijiem, inqalgħu il-plejers: Ben Plumpton, Jerome Zerafa Gregory, Alec Fenech u Mattew Bonello DuPuis.
Mit-team nazzjonali li ħa sehem fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew fadal biss erba’ plejers: Jake Tanti, Liam Galea, Jeremy Abela, Nicholas Bugelli, Sam Gialanze, Darren Zammit u Nikolai Zammit.
Jispikka l-element ġdid u żagħżugħ, b’bosta plejers se jkunu qed jiddebuttaw fil-Kampjonat Ewropew. Dawn huma Matthias Azzopardi, Jayden Cutajar, Benjamin Busuttil, Mark Castillo, Jake Muscat, Jake Bonavia, Gianni Farrugia u Jake Cachi.
Din se tkun il-ħames darba li Malta se tieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew. L-aqwa riżultat inkiseb fl-aħħar edizzjoni meta Malta spiċċat fl-14 -il post. Għal Milan Cirovic se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu f’dan il-kampjonat minn mindu ħa t-tmexxija tat-team nazzjonali.
It-team malti għadu kemm temm il-preparazzjoni intensiva tiegħu b’turnament ta’ livell għoli li sar fil-Pixxina ġdida fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera kontra t-timijiet tal-Italja, Franza u l-Olanda.
L-iskwadra finali tat-team nazzjonali malti:
Jake Tanti (San Ġiljan), Benjamin Busuttil (Valletta), Liam Galea (Sliema), Jeremy Abela (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Mark Castillo (Neptunes), Jake Cachia (Sirens), Matthias Azzopardi (Sirens), Gianni Farrugia (Sirens), Jayden Cutajar (Sliema), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Nicholas Bugelli (San Ġiljan), Jake Muscat (Neptunes), Sam Gialanze (Neptunes), Jake Bonavia (San Ġiljan)
Il-logħob ta’ Malta fil-Kampjonat tal-Ewropa:
Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar
Ġermanja vs Malta (7.00pm)
Il-Ħadd 7 ta’ Jannar
Malta vs Iżrael (5.00pm)
It-Tlieta 9 ta’ Jannar
Serbja vs Malta (7.00pm)