Rapport tal-Eurofound, l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol, ippubblikat studju komprensiv tal-impatt tal-pjan imsejjaħ Fit for 55, u li sab kif pajjiżna se jkun fost il-ftit fl-Ewropa li se joħloq żidiet fl-impjiegi kawż tal-qalba l-ħadra.
Dan l-istudju , li rrappurtat dwaru l-gazzetta Kullħadd, huwa intiż li jwassal għal tnaqqis ta’ 55% fit-tniġġis fost l-istati membri sal-2030. Biex jintlaħaq dan il-għan se jkun hemm bżonn bidliet sostanzjali fl-attività ekonomika u ferm aktar effiċjenza fejn jidħlu emissjonijiet u użu ta’ enerġija.
Minkejja din l-isfida, l-esperti Ewropej jikkonkludu li, sal-2030, il-qalba ambjentali mistennija żżid l-impjiegi Ewropej b’madwar 204,000. Dan ifisser żieda ta’ madwar 3% fuq iż-żieda antiċipata fl-impjiegi li kieku ma jseħħux il-bidliet li se jwassal għalihom il-pjan Fit for 55.
Filwaqt li, bħala medja, il-Fit for 55 se jkun qed iżid l-impjiegi, hu mbassar li fi 12-il pajjiż il-qalba ambjentali xorta se tnaqqas l-impjiegi. Dan għax se jkunu qed jintilfu impjiegi f’setturi bħall-minjieri, raffineriji u kostruzzjoni.
L-akbar telf mistenni fil-Latvja fejn se jitilfu 0.5% tal-impjiegi kollha
fil-pajjiż. F’pajjiżi bħall-Polonja se jintilfu mat-tliet kwarti tal-impjiegi kollha fis-settur tal-minjieri.
Fil-każ ta’ Malta l-impjiegi se jiżdiedu b’0.25% u hu biss fl-Italja u Spanja li hu mbassar li l-impjiegi jiżdiedu b’rata akbar minna. Iż-żieda mbassra f’Malta mistennija li tkun l-aktar fis-servizzi, imma anke fil-manifattura, l-enerġija u l-kostruzzjoni lokali se jkun hemm impatti pożittivi. Il-maġġoranza tat-titjib fl-impjiegi se jkun f’karrieri b’ħiliet għoljin, anke fil-livell terzjarju.
Intant, l-esperti Ewropej jindikaw li pajjiżna għandu bżonn jagħmel investiment ta’ madwar 20% tal-ġid nazzjonali aktar biex jilħaq il-miri ambjentali. Dan hu ferm inqas mill-kważi 35% żieda li trid issir bħala medja madwar l-UE.
L-akbar żieda li se jkun hemm bżonn hi fil-Litwanja, li se jkollha bżonn iżżid l-investiment b’aktar minn 90% tal-ġid nazzjonali. Malta għandha s-sitt l-inqas bżonn ta’ investiment simili u jirrifletti l-fatt li diġà saru bidliet kbar, bħal pereżempju l-qalba għall-gass u l-proġetti tax-shore-to-ship.
Fil-fatt, l-intensità tat-tniġġis li jsiru għal kull €1 miljun fi produzzjoni f’pajjiżna hi ferm limitata u Malta għandha s-sitt l-inqas livell ta’ emissjonijiet minn fost il-pajjiżi Ewropej. Il-pajjiż bl-ogħla livell relattiv ta’ emissjonijiet għal kull €1 miljun attività ekonomika hu l-Bulgarija, b’livell ħames darbiet dak ta’ pajjiżna.
Ir-rapport tal-Eurofound jinnota li Malta se tkun il-pajjiż bl-akbar żieda fl-impjiegi inġenerali sal-2030, b’żieda ta’ xi 2.8%. Din hi rata kważi għaxar darbiet dik imbassra għall-bqija tal-UE. Fil-fatt, lil hinn mill-impatt tal-Fit for 55, f’madwar tmien pajjiżi l-impjiegi mistennija jonq-
su fis-snin li ġejjin, bl-akbar tnaqqis ikun dak ta’ madwar 1.1% fil-Latvja. Anke fil-Ġermanja l-impjiegi mistennija jonqsu b’xi 0.2%, filwaqt li fi Franza mistennija żieda limitata ta’ 0.6% jew ħames darbiet inqas minn Malta.
Anke fejn jidħol tkabbir ekonomiku hu mbassar li Malta tkun il-pajjiż bl-akbar espansjoni. Dan hekk kif hu pproġettat li t-tkabbir reali jkun ta’ 3.9%, madwar erba’ darbiet iżjed mit-tbassir għall-UE.