Veni Ad Betlehem.
Dan huwa l-isem ta’ wirja, tal-akbar presepju f’Malta, magħmul mill-jablo, li jkejjel 34 metru.
Iltqajna ma’ Sandro Farrugia, fil-garaxx tiegħu f’Ħal Luqa, fejn uriena d-dettall li huwa mirqum bih dan il-presepju, grazzi għas-sengħa li wiret mingħand missieru, li ħalla din id-dinja 20 sena ilu.
Viżibbilment emozzjonat, huwa qal li din kienet il-ħolma ta’ missieru, li għamel ukoll pastur b’wiċċu.
Qalet, “Sa bebbux, sa għasafar tal-għana, għasafar tal-bejt, ħamiem, gamiem, ħuttaf, barbaġann, li bqajt nimmaġina bdejt inżidu. Għamilt żewġ vaski bil-ħut veru, ħaj, l-ilma jaqa’ minn tliet metri għoli, dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nagħmel l-ilma nieżel minn mas-saqaf.”
Għasafar fis-siġar, bhejjem bid-demm ħiereġ, ilma, nar u saħansitra ħut ta’ veru u dettall li jmur lil hinn mill-għajn.
Farrugia tkellem ukoll dwar diversi uċuħ li nkorpora fil-pasturi.
Qal, “Inħossni sodisfatt li qtajt ix-xewqa ta’ missieri. Meta rajtu tafal, ġabli qalbi ġunġliena, is-soltu, għax nemozzjona ruħi meta nsemmi ‘l missieri.”
Barra minn hekk, hu inkluda l-uċuħ ta’ kuġinuh, li kellu bżonnijiet speċjali, u li ħalla din id-dinja, u wiċċ Sarah Vincenti, tifla ta’ 5 snin li tilfet ħajjitha minħabba l-marda qerridija tal-kanċer.
Qal, “Ġiet mara u bdiet titkellem miegħi. Qaltli jien mititli t-tifla, ta’ 5 snin, qaltli tagħmilha? Għidtilha ngħidlu u naraw jagħmlihiex. Għamiltha. Hija Sarah Vincenti, li mietet 25 sena ilu, qiegħda anġlu. Kelli l-ħsieb li nagħmel lill-kuġin tiegħi. Kien bi bżonnijiet speċjali, u miet. Ħadt permess m’għand il-ġenituri tiegħu u għamiltu ħdejn missieri jżommlu jdejh biex jieħu ħsiebu fil-Ġenna.”
Farrugia tkellem ukoll dwar il-proċess, sabiex jarma dan il-presepju, li ħadlu madwar 4 snin, sa mill-2019.
Spjegalna kif kull ma jmur, huwa dejjem iżid, ikabbar u jżid id-dettall, fosthom grazzi għall-pasturier Frans Muscat.
Din il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku fi Triq il-Ġdida, f’Ħal Luqa, is-Sibtijiet u l-Ħdud, mid-disgħa sa nofsinhar, u mit-tlieta u nofs sad-disgħa. Dan filwaqt li fost il-ġimgħa jiftaħ mill-erbgħa u nofs sad-disgħa.