Raġel ta’ 37 sena minn Birżebbuġa u mara ta’ 29 sena minn Bormla ġew arrestati wara azzjoni f’waqta mill-Pulizija, ftit tal-ħin wara li ż-żewġ persuni allegatament serqu minn vettura fil-Marsa.
Il-każ seħħ fi Triq is-Salib tal-Marsa, il-Ġimgħa għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija x’ħin l-allegat vittma, raġel ta’ 32 sena informa lill-Pulizija li fil-ħin ta’ qabel avviċinawh żewġ persuni u l-mara talbitu xi flus.
Ingħad li kien hawn li l-mara allegatament daħlet fil-karozza tal-allegat vittma u serqitlu l-kartiera bir-raġel allegatament ta xi daqqiet ta’ sieq fuq il-vettura qabel ħarbu minn fuq il-post.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mbagħad bdew minnufih it-tfittxijiet għall-allegat aggessuri li nstabu ftit tal-ħin wara, bil-mara tinstab fi Triq is-Sajjied, il-Marsa stess u aktar tard ir-raġel f’ħanut viċin.
Iż-żewġ suspettati ġew arrestati, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.